18.7.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 260/21
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (Spanja) fil-25 ta’ April 2016 – Asociación Nacional de Grandes Empresas de Distribución (ANGED) vs Generalitat de Catalunya
(Kawża C-233/16)
(2016/C 260/27)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Qorti tar-rinviju
Tribunal Supremo, Sala de lo Contencioso-Administrativo, Sección Segunda
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Asociación Nacional de Grandes Empresas de Distribución (ANGED)
Konvenuta: Generalitat de Catalunya
Domandi preliminari
1)
L-Artikoli 49 u 54 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-eżistenza ta’ taxxa reġjonali li tintaxxa l-użu ta’ superfiċji kummerċjali individwali kbar li s-superfiċji ta’ bejgħ tagħhom tkun lta’ 2 500 m2 jew iktar minħabba l-impatt li jistgħu jikkawżaw fuq it-territorju, fuq l-ambjent u fuq in-nisġa tal-kummerċ urban ta’ dan ir-reġjun, iżda li tiġi applikata legalment irrispettivament mill-post reali fejn jinsabu dawn l-istabbilimenti kummerċjali barra jew ġewwa n-nisġa urbana kkonsolidata u li fil-parti l-kbira tad-drabi prattikament taffettwa lill-impriżi ta’ Stati Membri oħra, fid-dawl tal-fatt li: (i) ma taffettwax lin-negozjanti proprjetarji ta’ numru ta’ stabbilimenti kummerċjali b’superfiċji ta’ bejgħ ta’ inqas minn 2 500 m2 ikun liema jkun l-għadd totali tas-superfiċji ta’ bejgħ tal-istabbilimenti kollha tiegħu; (ii) teżenta lill-istabbilimenti kummerċjali kollettivi kbar; (iii) teżenta lill-istabbilimenti kummerċjali individwali ddedikati għall-ġardinaġġ u l-bejgħ ta’ vetturi, ta’ materjal għall-kostruzzjoni, ta’ makkinarji u ta’ provvisti ta’ natura industrijali, u (iv) jintaxxa biss l-40 % tal-bażi nett fir-rigward tal-istabbilimenti ddedikati essenzjalment għall-bejgħ tal-proprjetà immobbli, ta’ prodotti ta’ iġjene, u ta’ bibien u twieqi, u taċ-ċentri do-it-yourself?
2)
L-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat ipprojbita, konformement ma’ din id-dispożizzjoni (i) l-eżenzjoni totali mill-IGEC [taxxa fuq l-istabbilimenti kummerċjali l-kbar] għall-istabbilimenti kummerċjali individwali li s-superfiċji ta’ bejgħ tagħhom tkun inqas minn 2 500 m2, għall-istabbilimenti kummerċjali kollettivi u għall-istabbilimenti kummerċjali individwali ta’ ġardinaġġ u ta’ bejgħ ta’ vetturi, ta’ materjal għall-kostruzzjoni, ta’ makkinarji, ta’ provvisti ta’ natura industrijali, u (ii) l-eżenzjoni parzjali mill-IGEC tal-istabbilimenti kummerċjali individwali ddedikati essenzjalment għall-bejgħ ta’ għamara, ta’ prodotti ta’ iġjene, u ta’ bibien u twieqi, u taċ-ċentri do-it-yourself?
3)
Jekk l-eżenzjonijiet totali u parzjali tal-IGEC msemmija iktar ’il fuq jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, liema għandha tkun il-portata ratione temporis ta’ din id-deċiżjoni, fid-dawl tal-eżistenza u tal-kontenut tal-ittra, tat-2 ta’ Ottubru 2003, li d-Direttur tal-Għajnuna mill-Istat tad-DĠ COMP bagħat lir-Rappreżentanza tar-Renju ta’ Spanja fi ħdan l-Unjoni Ewropea, fir-rigward tal-Kawża CP 11/01, dwar allegata għajnuna mogħtija mill-Comunidad Autónoma de Cataluña b’rabta mal-Liġi tal-Parlament ta’ Catalunya?