11.7.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 251/13
Appell ippreżentat fis-26 ta’ April 2016 minn Vedran Vidmar et mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fis-26 ta’ Frar 2016 fil-Kawża T-507/14, Vedran Vidmar u Darko Graf vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-240/16 P)
(2016/C 251/15)
Lingwa tal-kawża: il-Kroat
Partijiet
Appellanti: Vedran Vidmar, Saša Čaldarević, Irena Glogovšek, Gordana Grancarić, Martina Grgec, Ines Grubišić, Sunčica Horvat Peris, Zlatko Ilak, Mirjana Jelavić, Romuald Kantoci, Svjetlana Klobučar, Ivan Kobaš, Tihana Kušeta Šerić, Damir Lemaić, Željko Ljubičić, Gordana Mahovac, Martina Majcen, Višnja Merdžo, Tomislav Perić, Darko Radić, Damjan Saridžić (rappreżentant: D. Graf, avukat)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla, fl-intier tagħha, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-26 ta’ Frar 2016 fil-Kawża T-507/14 u tilqa’ t-talbiet imressqa mill-appellanti fil-kuntest tal-proċedura fl-ewwel istanza fir-rikors tagħhom tal-1 ta’ Lulju 2014 u tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha ssotnuti minn kull wiħed mill-appellanti fil-kuntest ta’ din il-proċedura;
—
sussidjarjament, tannulla, fl-intier tagħha, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea mogħtija fis-26 ta’ Frar 2016 fil-Kawża T-507/14 u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tagħti deċiżjoni mill-ġdid, u tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha sostnuti mnn kull wieħed mill-appellanti fil-kuntest ta’ din il-proċedura.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti jikkontestaw il-punti segwenti tas-sentenza appellata:
—
punt 40, fejn jiġi ddikjarat li l-aġir illegali attiv ta’ istituzzjoni tal-Unjoni huwa biss wieħed mill-elementi meħtieġa sabiex ikun hemm ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, peress li din id-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali tmur kontra t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Mejju 1992, Mulder et vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, C-104/89 u C-37/90, EU:C:1992:217);
—
punt 47, fejn, kuntrarjament għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 36 u tal-Anness VII tal-Att dwar il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea tar-Repubblika tal-Kroazja (iktar 'il quddiem l-“Att ta’ Adeżjoni”), l-impenji meħuda tar-Repubblika tal-Kroazja fir-rigward tal-Unjoni waqt in-negozjati ta’ adeżjoni mal-Unjoni bi żball issejħu “prinċipji”, peress li f’din il-kawża dawn ma humiex prinċipji, iżda 11-il impenn speċifiku tal-Kroazja lejn l-Unjoni, li lkoll daħlu fis-seħħ fid-9 ta’ Diċembru 2011;
—
punti 48 sa 52, peress li l-Artikolu 36 u l-punt 1 tal-Anness VII tal-Att ta’ Adeżjoni daħal fis-seħħ fid-9 ta’ Diċembru 2011, meta l-strateġija ta’ riforma ġudizzjarja tar-Repubblika tal-Kroazja għall-perijodu 2011-2015, tal-15 ta’ Diċembru 2010 u l-pjan ta’ azzjoni rivedut tal-Gvern Kroat għar-riforma ġudizzjarja, tal-20 ta’ Mejju 2010, kienu fis-seħħ u validi, għalkemm it-tħassir ta’ tali atti ġuridiċi mill-Kroazja, li qabel kien ġie awtorizzat b’mod espliċitu mill-Kummissjoni fil-punt 3 tar-rapport tagħha ta’ stħarriġ komprensiv dwar il-Kroazja, tal-10 ta’ Ottubru 2012, li kien jorda lill-Kroazja tadotta leġiżlazzjoni ġdida dwar l-infurzar, kuntrarjamemt għall-prinċipji ġenerali tad-dritt dwar il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, peress li, f’dak li jirrigwarda l-appellanti, it-tħassir ta’ dawn l-atti ġuridiċi kellu manifestament effett retroattiv, peress li mid-9 ta’ Diċembru 2012, il-Kroazja ma adottat l-ebda strateġija ġdida ta’ riforma ġudizzjarja iżda biss strateġija ta’ żvilupp tas-sistema ġudizzjarja għall-perijodu 2013-2018, u, konsegwentement, l-aħħar strateġija ta’ riforma ġudizzjarja adottata, fir-realtà, mill-Kroazja kienet dik li kienet fis-seħħ fid-9 ta’ Diċembru 2011 (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Jananr 1974, Louwage vs Il-Kummissjoni, 148/73, EU:C:1974:7, punti 12 u 28; tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 1998, Embassy Limousines & Services vs Il-Parlament, T-203/96, EU:T:1998:302, punti 74 sa 88; u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Mejju 1975, CNTA vs Il-Kummissjoni, 74/74, EU:C:1975:59, punti 41 sa 44), billi rrilevat li l-Qorti Ġenerali, meta fil-punt 53 tas-sentenza appellata ddikjarat li “ma jistax […] minn dan jiġi dedott li l-awtoritajiet Kroati […] kienu liberi li jbiddlu l-istrateġija ta’ riforma ġudizzjarja 2011-2015 u l-pjan ta’ azzjoni 2010. Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Att ta’ Adeżjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 36 u l-Anness VII tiegħu, dawn l-awtoritajiet kellhom l-obbligu li josservaw mhux biss l-impenn 1, iżda wkoll l-impenji l-oħra kollha previsti mill-imsemmi anness”, il-Qorti Ġenerali kkonfermat il-fondatezza tat-talba għal kumpens tal-appellanti;
—
punti 54 sa 57 u 59 sa 63, dwar in-nuqqas tal-Kummissjoni Ewropea li twettaq l-obbligu tagħha, taħt l-Artikolu 36 tal-Att ta’ Adeżjoni, li tiżgura li l-Kroazja tosserva l-impenn tagħha, taħt il-punt 3 tal-Anness VII, tal-Att ta’ Adeżjoni, li tkompli ttejjeb l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja tagħha, peress li mill-annessi tar-rikors jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni daħħlet fihom data żbaljata li kienet ġejja mill-Ministeru tal-Ġustizzja tal-Kroazja dwar in-numru li qed jonqos ta’ kawżi pendenti u ta’ proċeduri ta’ eżekuzzjoni pendenti quddiem il-qrati muniċipali u kummerċjali għall-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Settembru 2012 u t-28 ta’ Frar 2013, mingħajr ma għamlet xi stħarriġ tekniku jew aritmetiku ta’ din l-analiżi, fatt li juri negliġenza kbira fir-rigward tal-importanza tar-redazzjoni ta’ dawn it-tabelli;
—
punt 68, peress li meta naqset milli twettaq l-obbligu tagħha, taħt l-Artikolu 36(1) u (2) tal-Att ta’ Adeżjoni, li tiżgura li l-Kroazja tosserva l-impenji tagħha relatati mal-bidu tal-attività ta’ aġenti pubbliċi ta’ eżekuzzjoni, mill-1 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni naqset ukoll milli twettaq l-obbligu tagħha li tiżgura, konformement mal-Artikolu 17 TUE, l-applikazzjoni tat-Trattat ta’ Adeżjoni, li huwa wieħed mit-trattati bażiċi tal-Unjoni;
—
punti 69 sa 82, peress li azzjonijiet konkordanti u espliċiti ulterjuri tal-Kummissjoni ma kinux meħtieġa sabiex jinħolqu aspettattivi leġittimi fl-appellanti wara d-9 ta’ Diċembru 2011, peress li, f’dan il-każ, l-aspettattivi leġittimi tal-appellanti bdew qabel din id-data.