11.7.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 251/14
Appell ippreżentat fis-26 ta’ April 2016 minn Darko Graf mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fis-26 ta’ Frar 2016 fil-Kawża T-507/14, Vedran Vidmar u Darko Graf vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-241/16 P)
(2016/C 251/16)
Lingwa tal-kawża: il-Kroat
Partijiet
Appellant: Darko Graf (rappreżentant: L. Duvnjak, avukat)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla, fl-intier tagħha, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-26 ta’ Frar 2016 fil-Kawża T-507/14 u tilqa’ t-talbiet li saru mill-appellant fil-kuntest tal-proċedura fl-ewwel istanza fir-rikors tiegħu tal-1 ta’ Lulju 2014 u tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha ssotnuti mill-appellant fil-kuntest ta’ din il-proċedura;
—
sussidjarjament, tannulla, fl-intier tagħha, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea mogħtija fis-26 ta’ Frar 2016 fil-Kawża T-507/14 u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tagħti deċiżjoni mill-ġdid, u tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha sostnuti mill-appellant fil-kuntest ta’ din il-proċedura.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellant jikkontesta l-punti segwenti tas-sentenza appellata:
—
punt 40, fejn jiġi ddikjarat li l-aġir illegali attiv ta’ istituzzjoni tal-Unjoni huwa biss wieħed mill-elementi meħtieġa sabiex ikun hemm ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, peress li din id-dikjarazzjoni tal-Qorti Ġenerali tmur kontra t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Mejju 1992, Mulder et vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, C-104/89 u C-37/90, EU:C:1992:217);
—
punt 47, fejn, kuntrarjament għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 36 u tal-Anness VII tal-Att dwar il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea tar-Repubblika tal-Kroazja (iktar 'il quddiem l-“Att ta’ Adeżjoni”), l-impenji meħuda tar-Repubblika tal-Kroazja fir-rigward tal-Unjoni waqt in-negozjati ta’ adeżjoni mal-Unjoni bi żball issejħu “prinċipji”, peress li f’din il-kawża dawn ma humiex prinċipji, iżda 11-il impenn speċifiku tal-Kroazja lejn l-Unjoni, li lkoll daħlu fis-seħħ fid-9 ta’ Diċembru 2011;
—
punti 48 sa 52, peress li l-Artikolu 36 u l-punt 1 tal-Anness VII tal-Att ta’ Adeżjoni daħal fis-seħħ fid-9 ta’ Diċembru 2011, meta l-strateġija ta’ riforma ġudizzjarja tar-Repubblika tal-Kroazja għall-perijodu 2011-2015, tal-15 ta’ Diċembru 2010 u l-pjan ta’ azzjoni rivedut tal-Gvern Kroat għar-riforma ġudizzjarja, tal-20 ta’ Mejju 2010, kienu fis-seħħ u validi, għalkemm it-tħassir ta’ tali atti ġuridiċi mill-Kroazja, li qabel kien ġie awtorizzat b’mod espliċitu mill-Kummissjoni fil-punt 3 tar-rapport tagħha ta’ stħarriġ komprensiv dwar il-Kroazja, tal-10 ta’ Ottubru 2012, li kien jordna lill-Kroazja tadotta leġiżlazzjoni ġdida dwar l-infurzar, kuntrarjamemt għall-prinċipji ġenerali tad-dritt dwar il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali, peress li, f’dak li jirrigwarda l-appellant, it-tħassir ta’ dawn l-atti ġuridiċi kellu manifestament effett retroattiv, peress li mid-9 ta’ Diċembru 2012, il-Kroazja ma adottat l-ebda strateġija ġdida ta’ riforma ġudizzjarja iżda biss strateġija ta’ żvilupp tas-sistema ġudizzjarja għall-perijodu 2013-2018, u, konsegwentement, l-aħħar strateġija ta’ riforma ġudizzjarja adottata, fir-realtà, mill-Kroazja kienet dik li kienet fis-seħħ fid-9 ta’ Diċembru 2011 (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Jananr 1974, Louwage vs Il-Kummissjoni, 148/73, EU:C:1974:7, punti 12 u 28; tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 1998, Embassy Limousines & Services vs Il-Parlament, T 203/96, EU:T:1998:302, punti 74 sa 88; u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Mejju 1975, CNTA vs Il-Kummissjoni, 74/74, EU:C:1975:59, punti 41 sa 44), billi rrilevat li l-Qorti Ġenerali, meta fil-punt 53 tas-sentenza appellata ddikjarat li “ma jistax […] minn dan jiġi dedott li l-awtoritajiet Kroati […] kienu liberi li jbiddlu l-istrateġija ta’ riforma ġudizzjarja 2011-2015 u l-pjan ta’ azzjoni 2010. Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Att ta’ Adeżjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 36 u l-Anness VII tiegħu, dawn l-awtoritajiet kellhom l-obbligu li josservaw mhux biss l-impenn 1, iżda wkoll l-impenji l-oħra kollha previsti mill-imsemmi anness”, il-Qorti Ġenerali kkonfermat il-fondatezza tat-talba għal kumpens tal-appellant;
—
punti 54 sa 57 u 59 sa 63, dwar in-nuqqas tal-Kummissjoni Ewropea li twettaq l-obbligu tagħha, taħt l-Artikolu 36 tal-Att ta’ Adeżjoni, li tiżgura li l-Kroazja tosserva l-impenn tagħha, taħt il-punt 3 tal-Anness VII, tal-Att ta’ Adeżjoni, li tkompli ttejjeb l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja tagħha, peress li mill-annessi tar-rikors jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni daħħlet fihom data żbbaljata li kienet ġejja mill-Ministeru tal-Ġustizzja tal-Kroazja dwar in-numru li qed jonqos ta’ kawżi pendenti u ta’ proċeduri ta’ eżekuzzjoni pendenti quddiem il-qrati muniċipali u kummerċjali għall-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Settembru 2012 u t-28 ta’ Frar 2013, mingħajr ma għamlet xi stħarriġ tekniku jew aritmetiku ta’ din l-analiżi, fatt li juri negliġenza kbira fir-rigward tal-importanza tar-redazzjoni ta’ dawn it-tabelli;
—
punt 68, peress li meta naqset milli twettaq l-obbligu tagħha, taħt l-Artikolu 36(1) u (2) tal-Att ta’ Adeżjoni, li tiżgura li l-Kroazja tosserva l-impenji tagħha relatati mal-bidu tal-attività ta’ aċenti pubbliċi ta’ eżekuzzjoni, mill-1 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni naqset ukoll milli twettaq l-obbligu tagħha li tiżgura, konformement mal-Artikolu 17 TUE, l-applikazzjoni tat-Trattat ta’ Adeżjoni li huwa wieħed mit-trattati bażiċi tal-Unjoni;
—
punti 69 sa 82, peress li azzjonijiet konkordanti u espliċiti ulterjuri tal-Kummissjoni ma kinux meħtieġa sabiex jinħolqu aspettattivi leġittimi fl-appellant wara d-9 ta’ Diċembru 2011, peress li, f’dan il-każ, l-aspettattivi leġittimi tal-appellant bdew qabel din id-data.