1.8.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 279/13
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale Amministrativo Regionale per le Marche (l-Italja) fit-28 ta’ April 2016 – Nerea SpA vs Regione Marche
(Kawża C-245/16)
(2016/C 279/18)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Qorti tar-rinviju
Tribunale Amministrativo Regionale per le Marche
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Nerea SpA
Konvenut: Regione Marche
Domandi preliminari
1)
Preliminarjament, l-Artikolu 1(7)(ċ) tar-Regolament Nru 800/2008 (1) jirrigwarda biss il-proċeduri li jistgħu jinbdew ex officio mill-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji tal-Istati Membri (fl-Italja, pereżempju, il-proċedura ta’ falliment) jew anki dawk li jistgħu jinbdew biss fuq inizjattiva tal-operatur ekonomiku kkonċernat (kif inhu l-każ fid-dritt nazzjonali ta’ arranġament mal-kredituri), minħabba li din id-dispożizzjoni tirreferi għall-fatt li l-kumpannija “tkun is-suġġett għall-”proċeduri kollettivi ta’ falliment?
2)
Fl-eventwalità li jiġi konkluż li r-Regolament Nru 800/2008 jirrigwarda l-proċeduri kollettivi kollha, f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari s-sistema tal-arranġament mal-kredituri bil-għan li jitkompla l-operat, prevista fl-Artikolu 186o tad-Digriet Irjali Nru 267/1942 tas-16 ta’ Marzu 1942, l-Artikolu 1(7)(ċ) tar-Regolament Nru 800/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li r-rekwiżiti għall-issuġġettar għal proċedura kollettiva jkunu ssodisfatti mill-operatur ekonomiku li japplika għal finanzjament mill-fondi strutturali huwa suffiċjenti sabiex jimpedixxi l-għoti tal-finanzjament jew sabiex jobbliga lill-awtorità nazzjonali ta’ ġestjoni li tirrevoka l-finanzjament diġà mogħti jew, għall-kuntrarju, is-sitwazzjoni ta’ diffikultà għandha tiġi evalwata fil-każ speċifiku billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, pereżempju, it-tul tal-fażi ta’ ftuħ tal-proċedura, l-osservanza mill-operatur ekonomiku tal-impenji meħuda u kull ċirkustanza rilevanti oħra?
(1) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008, tas-6 ta’ Awwissu 2008, li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) skond l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat (GU L 214, p. 3).