20.6.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 222/9
Appell ippreżentat fit-2 ta’ Mejju 2016 minn Ludwig-Bölkow-Systemtechnik GmbH mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fid-19 ta’ Frar 2016 fil-Kawża T-53/14 – Ludwig-Bölkow-Systemtechnik vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-250/16 P)
(2016/C 222/11)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: Ludwig-Bölkow-Systemtechnik GmbH (rappreżentant: M. Núñez Müller, avukat)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla l-punt 3 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata li jiċħad il-kumplament tar-rikors fil-Kawża T-53/14 u d-deċiżjoni dwar l-ispejjeż fil-punt 4 li hija marbuta miegħu,
—
temenda l-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata li jnaqqas is-somom dovuti bħala kumpens b’rata fissa minn Ludwig-Bölkow-Systemtechnik GmbH għal ammont ekwivalenti għal 10 % tal-ħlasijiet bil-quddiem li għandhom jiġu rrimborsati fis-sens li Ludwig-Bölkow-Systemtechnik ma għandha tirrimborsa l-ebda somma bħala kumpens b’rata fissa,
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċedura tal-appell kif ukoll għall-ispejjeż tal-proċedura tal-ewwel istanza fil-Kawża T-53/14 – b’mod komplementari għall-punt 4 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appell ma huwiex indirizzat kontra l-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-53/14, li fih il-Qorti Ġenerali kkonstatat li t-tieni u t-tielet talbiet ma kienx għad għandhom skop. L-appell lanqas ma huwa indirizzat kontra l-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-53/14 sa fejn il-Qorti Ġenerali naqqset is-somom dovuti bħala kumpens b’rata fissa għal 10 % tal-ħlasijiet bil-quddiem li kellhom jiġu rrimborsati fil-kuntest tal-proġetti HyWays, HyApproval u HarmonHy; għall-kuntrarju, il-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza qiegħed jiġi kkontestat biss sa fejn ma naqqasx għal xejn, kif mitlub fir-rikors, is-somom dovuti bħala kumpens. Il-punt 3 tad-dispożittiv tas-sentenza qiegħed jiġi kkontestat biss sa fejn, f’dan il-punt, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel u (parzjalment) ir-raba’ talbiet tar-rikors. Il-punt 4 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata qiegħed jiġi kkontestat sa fejn, jekk jintlaqa’ l-appell, dan għandu jwassal għal deċiżjoni oħra dwar l-ispejjeż u sa fejn il-Qorti Ġenerali ma kkundannatx lill-Kummissjoni, għall-kuntrarju tat-talba mressqa fl-ewwel istanza mill-appellanti, għall-ispejjeż marbuta mat-talbiet li ġew iddikjarati li ma kienx għad għandhom skop.
L-appellanti hija tal-fehma li s-sentenza appellata tikser l-obbligu ta’ motivazzjoni taħt l-Artikolu 36 u l-Artikolu 53(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ bona fide, il-projbizzjoni ta’ żnaturament tal-provi u d-dritt Belġjan applikabbli.
Is-sentenza appellata tikser l-obbligu ta’ motivazzjoni għaliex il-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat u mingħajr motivazzjoni fil-mertu, titlaq mill-premessa li l-metodu għall-kalkolu tar-rati fis-siegħa użat mill-appellanti għall-ispejjeż li jistgħu jiġu rrimborsati jwassal sabiex il-Kummissjoni jkollha tipparteċipa fil-kopertura tal-ispejjeż globali li ma humiex relatati mal-proġetti.
Barra minn hekk, is-sentenza appellata tikser il-prinċipju ġenerali legali ta’ bona fide peress li n-nuqqas ta’ preċiżjoni fil-kundizzjonijiet ġenerali previsti fil-kuntratti kontenzjużi kellu jiġi interpretat kontra l-Kummissjoni u favur l-appellanti minflok b’mod li ttrasferixxa fuq l-appellanti r-riskju tal-applikazzjoni.
Is-sentenza appellata tikser ukoll il-projbizzjoni ta’ żnaturament tal-provi minħabba li l-evalwazzjoni tal-preżentazzjoni tal-fatti fl-ewwel istanza mill-appellanti hija manifestament inkorretta.
Barra minn hekk, is-sentenza appellata tikser ir-regoli vinkolanti tad-dritt Belġjan applikabbli u l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva għaliex taċċetta, b’mod żbaljat, interpretazzjoni “ċara” tal-kundizzjonijiet ġenerali u teskludi b’hekk l-applikazzjoni tad-dritt Belġjan.
Fl-aħħar nett, is-sentenza appellata tikser ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni u d-dritt applikabbli għaliex minkejja li, fir-rigward tal-obbligu tal-ħlas ta’ kumpens b’rata fissa, tirrikonoxxi li l-Artikolu II.30 tal-kundizzjonijiet ġenerali jikser id-dritt Belġjan vinkolanti, ma tiddeduċix minn dan li l-Artikolu II.30 ma huwiex applikabbli u minflok, b’mod illegali, tagħti tnaqqis filwaqt li tħares l-applikabbiltà tiegħu.