16.8.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 296/19
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (l-Ungerija) fit-3 ta’ Mejju 2016 – Glencore Grain Hungary Kft. vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatóság
(Kawża C-254/16)
(2016/C 296/24)
Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż
Qorti tar-rinviju
Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Glencore Grain Hungary Kft.
Konvenuti: Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatóság
Domandi preliminari
1)
L-Artikolu 183 tad-Direttiva 2006/112 (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li d-data ta’ skadenza għar-rimbors tal-parti żejda tal-VAT imħallsa jiġi estiż sal-ġurnata tan-notifika tal-proċess verbali redatt wara verifika fil-każ fejn, fil-kuntest tal-proċedura ta’ verifika fiskali mressqa fit-tletin ġurnata mir-riċeviment tat-talba għal rimbors, tiġi imposta multa fuq il-persuna taxxabbli minħabba nuqqas ta’ eżekuzzjoni?
2)
L-Artikolu 183 tad-Direttiva tal-VAT, fid-dawl tal-prinċipji ta’ newtralità fiskali u ta’ proporzjonalità, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-każ ta’ ħlas tardiv, teskludi l-ħlas ta’ interessi moratorji fil-każ fejn, fil-kuntest tal-verifika relatata mal-ħlas ta’ dan l-ammont, il-persuna taxxabbli tkun ġiet issanzjonata mill-awtorità b’rabta mal-obbligu ta’ kooperazzjoni, filwaqt li l-verifika, li tkun damet numru ta’ snin, damet fit-tul għal raġunijiet li ma humiex prinċipalment imputabbli lill-persuna taxxabbli?
3)
L-Artikolu 183 tad-Direttiva 2006/112 u l-prinċipju ta’ effettività għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-talba ta’ ħlas tal-interessi marbuta ma’ taxxi miżmuma jew mhux allokati f’kuntrast mad-dritt tal-Unjoni hija dritt suġġettiv li jirriżulta direttament mid-dritt tal-Unjoni nnifsu, bħalma t-turija tal-ksur tad-dritt tal-Unjoni u tan-nuqqas ta’ rimbors tat-taxxa hija suffiċjenti biex jiġi invokat dritt għall-interessi quddiem il-qrati u l-awtoritajiet l-oħra tal-Istati Membri?
4)
Fil-każ li, fid-dawl tar-risposti mogħtija għad-domandi preċedenti, il-qorti nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellha tikkonkludi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru tmur kontra l-Artikolu 183 tad-Direttiva tal-VAT, hija tkun qed taġixxi b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni jekk tqis li r-rifjut ta’ għoti ta’ interessi moratorji fid-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-Istati Membri huwa kuntrarju għall-Artikolu 183 tad-Direttiva tal-VAT?
(1) Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1).