11.7.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 251/17
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Københavns Byret (id-Danimarka) fit-2 ta’ Mejju 2016 – Anklagemyndigheden vs Bent Falbert, Poul Madsen, JP/Politikens Hus A/S
(Kawża C-255/16)
(2016/C 251/18)
Lingwa tal-kawża: id-Daniż
Qorti tar-rinviju
Københavns Byret
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Anklagemyndigheden
Konvenuti: Bent Falbert, Poul Madsen, JP/Politikens Hus A/S
Domandi preliminari
Din il-kawża tinvolvi regola suġġetta għal obbligu ta’ notifika b’applikazzjoni tal-Artikolu 8(1), moqri flimkien mal-Artikolu 1(1), (2), (5) u (11) tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi (1), emendata bid-Direttiva 98/48, f’sitwazzjoni bħal dik segwenti:
a)
għandha tiġi implementata liġi li temenda liġi dwar ċertu logħob, lotteriji u mħatri li tintroduċi dispożizzjoni li tipprevedi sanzjonijiet kriminali, b’mod partikolari għal min, intenzjonalment jew minħabba negliġenza serja, “għandu negozju ta’ logħob, ta’ lotteriji jew ta’ mħatri fit-territorju nazzjonali mingħajr ma jkun awtorizzat skont l-Artikolu 1” kif ukoll min, deliberatament jew minħabba negliġenza serja, “jirreklama logħob, lotteriji jew imħatri li ma humiex awtorizzati skont l-Artikolu 1”;
u
b)
mix-xogħlijiet preparatorji ta’ din il-liġi li temenda jirriżulta li l-għan segwit minn dawn id-dispożizzjonijiet kriminali huwa, minn naħa, li tiġi speċifikat jew istitwita projbizzjoni ta’ logħob online propost minn impriżi ta’ logħob tal-ażżard barranin li jindirizzaw direttament is-suq Daniż u, min-naħa l-oħra, li jiġi pprojbit r-reklamar b’mod partikolari għal-logħob online propost minn impriżi ta’ logħob tal-ażżard barranin, peress li minn dawn l-istess xogħlijiet preparatorji, li jsegwu leġiżlazzjoni preċedenti, jirriżulta li huwa inkontestabbli li huwa pprojbit logħob offert minn impriża ta’ logħob tal-ażżard barranija li tuża kanali ta’ distribuzzjoni li permezz tagħhom dawn huma fiżikament ikkummerċjalizzati fit-territorju nazzjonali Daniż, iżda li huwa leġittimament dubjuż jekk jaqax ukoll taħt dawn id-dispożizzjonijiet il-logħob barrani li huwa indirizzat lejn ġugaturi Daniżi iżda li huwa fiżikament barra mit-territorju nazzjonali Daniż, u għalhekk huwa xieraq li jiġi ċċarat jekk dan il-logħob huwiex kopert ukoll. Mix-xogħlijiet preparatorji jirriżulta wkoll li huwa propost li tiġi istitwita projbizzjoni ta’ reklamar tal-logħob, tal-lotteriji u tal-imħatri li ma jkunux kisbu liċenzja skont din l-istess liġi, u li l-emenda hija f’konformità mal-projbizzjoni fis-seħħ skont it-tielet pargrafu tal-Artikolu 12 tal-liġi dwar it-tiġrijiet taż-żwiemel iżda li tiċċara d-dispożizzjonijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 10 tal-liġi dwar il-lottu sportiv u l-lotteriji li kienet fis-seħħ dak iż-żmien. Mix-xogħlijiet preparatorji jirriżulta wkoll li l-projbizzjoni hija intiża li tipproteġi l-operaturi tal-logħob liċenzjati mill-awtoritajiet Daniżi kontra kompetizzjoni ta’ impriżi li ma humiex liċenzjati b’dan il-mod u li għaldaqstant, ma humiex legalment awtorizzati li joffru jew jiddistribwixxu logħob fid-Danimarka.
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13 Vol. 20, p. 337.