4.7.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 243/25
Appell ippreżentat fit-12 ta’ Mejju 2016 minn Deutsche Bahn AG, Schenker AG, Schenker China Ltd, Schenker International (H.K.) Ltd mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fid-29 ta’ Frar 2016 fil-Kawża T-267/12, Deutsche Bahn AG et vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-264/16 P)
(2016/C 243/26)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Deutsche Bahn AG, Schenker AG, Schenker China Ltd, Schenker International (H.K.) Ltd (rappreżentanti: F. Montag, F. Hoseinian, M. Eisenbarth, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla s-sentenza tad-29 ta’ Frar 2016, Deutsche Bahn et vs Il-Kummissjoni (T-267/12, EU:T:2016:110);
—
tannulla l-Artikolu 1(2)(g), l-Artikolu 1(3)(a) u (b), u l-Artikolu 1(4)(h) tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni mogħtija fit-28 ta’ Marzu 2012 fil-Każ COMP/39462 – Spedizzjoni tal-merkanzija) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) jew, sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;
—
tannulla jew, sussidjarjament, tnaqqas il-multi ffissati fl-Artikolu 2(2)(g), fl-Artikolu 2(3)(a) u (b), u fl-Artikolu 2(4)(h) tad-deċiżjoni kkontestata jew, sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali; u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti jqajmu l-ħames aggravji li ġejjin insostenn tal-appell:
1.
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet li l-Kummissjoni kienet intitolata tibbaża ruħha fuq it-talba għal immunità ta’ Deutsche Post, li l-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ rappreżentanza doppja ma kienx ġie miksur u li l-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu tinvestiga dwar il-ksur possibbli ta’ dan il-prinċipju.
2.
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi interpretat l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 141 (1) b’tali mod li ma japplikax għall-aġir relatat mas-“sistema ta’ manifest avvanzata”.
3.
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE meta hija ddeċidiet li ma tikkundannax lil The Brink’s Company in solidum ma’ Schenker China Ltd. [bħala s-suċċessur ta’ BAX Global (China) Co. Ltd.] għall-aġir relatat mal-“fattur ta’ aġġustament tal-valuta Ċiniż”.
4.
Meta ddeċidiet li, fil-kalkolu tal-multi, il-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 (2), u lanqas il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ adegwatezza tal-piena għall-ksur, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi żnaturat il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata, billi eċċediet il-limiti tas-setgħat mogħtija lilha mill-Artikolu 264 TFUE u billi ma wettqitx eżerċizzju ta’ bbilanċjar fl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
5.
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkonfermat ir-rati ta’ tnaqqis użati mill-Kummissjoni skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 (3). Il-Qorti Ġenerali żnaturat il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata u kisret id-dritt tal-appellanti għal smigħ xieraq.
(1) KEE: Regolament tal-Kunsill Nru 141 li jirrigwarda n-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17 għas-setturi tat-trasport (ĠU 1962, 124, p. 2751).
(2) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).
(3) Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità mill-multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-każijiet ta’ akkordji (ĠU 2006, C 298, p. 17,