18.7.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 260/31
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) (ir-Renju Unit) fit-13 ta’ Mejju 2016 – Western Sahara Campaign UK vs Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs, Secretary of State for Environment, Food and Rural Affairs
(Kawża C-266/16)
(2016/C 260/39)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Qorti tar-rinviju
High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court)
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Western Sahara Campaign UK
Konvenuti: Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs, Secretary of State for Environment, Food and Rural Affairs
Domandi preliminari
1)
Fil-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (ĠU 2000, L 70, p. 2) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ assoċjazzjoni”), approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 2000/204/KE, KEFA (1), ir-riferimenti għall-“Marokk” fl-Artikoli 9, 17 u 94 tal-Protokoll Nru 4 jirreferu biss għat-territorju sovran tal-Marokk, kif irrikonoxxut min-Nazzjonijiet Uniti u mill-Unjoni Ewropea, b’mod li jipprekludu prodotti li joriġinaw fis-Saħara tal-Punent milli jiġu importati fl-Unjoni Ewropea eżenti mid-dazji doganali, kif previst mill-Ftehim ta’ assoċjazzjoni?
2)
Jekk prodotti li joriġinaw mis-Saħara tal-Punent jistgħu jiġu importati fl-Unjoni Ewropea eżenti mid-dazji doganali skont il-Ftehim ta’ assoċjazzjoni, dan il-ftehim huwa validu, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jimponu l-obbligu ta’ kontribuzzjoni għall-osservanza ta’ kull prinċipju rilevanti tad-dritt internazzjonali u għall-osservanza tal-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u fid-dawl tal-limiti li fihom il-Ftehim ta’ assoċjazzjoni ġie konkluż għall-benefiċċju tal-poplu Saħrawi, f’ismu, skont ix-xewqat tiegħu u/jew f’konsultazzjoni mar-rappreżentanti rrikonoxxuti tiegħu?
3)
Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk (kif approvat u implementat permezz tar-Regolament tal-Kunsill Nru 764/2006 (2), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/785/EU (3) u tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1270/2013 (4)) huwa validu, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jimponu l-obbligu ta’ kontribuzzjoni għall-osservanza ta’ kull prinċipju rilevanti tad-dritt internazzjonali u għall-osservanza tal-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u fid-dawl tal-limiti li fihom il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fis-settur tas-sajd ġie konkluż għall-benefiċċju tal-poplu Saħrawi, f’ismu, skont ix-xewqat tiegħu u/jew f’konsultazzjoni mar-rappreżentanti rrikonoxxuti tiegħu?
4)
Ir-rikorrenti għandha d-dritt tikkontesta l-validità ta’ atti tal-Unjoni Ewropea abbażi ta’ allegat ksur tad-dritt internazzjonali min-naħa tal-Unjoni Ewropea, fid-dawl, b’mod partikolari:
a)
tal-fatt li, għalkemm, skont id-dritt nazzjonali, għandha locus standi in judicio sabiex tikkontesta l-validità tal-atti tal-Unjoni inkwistjoni, hija ma tinvoka ebda dritt abbażi tad-dritt tal-Unjoni Ewropea; u
b)
tal-prinċipju stabbilit fil-kawża tad-Deheb monetarju mneħħi minn Ruma fl-1943 (Ġabra tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, 1954) li l-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja ma tistax tagħmel konstatazzjonijiet li jqiegħdu fid-dubju l-aġir, jew li jippreġudikaw id-drittijiet, ta’ Stat li ma jkunx parti fil-proċedura quddiemha u li ma jkunx ta l-kunsens tiegħu sabiex jintrabat bid-deċiżjonijiet tagħha?
(1) 2000/204/KE, KEFA: Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, tal-24 ta’ Jannar 2000, dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju tal-Marokk, min-naħa l-oħra (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 175).
(2) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 764/2006, tat-22 ta’ Mejju 2006, dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Marokk (ĠU L 294M, 25.10.2006, p. 131).
(3) 2013/785/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2013, dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fis-settur tas-sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk (ĠU 2013, L 349, p. 1).
(4) Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1270/2013, tal-15 ta’ Novembru 2013, dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd taħt il-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fis-settur tas-sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk (ĠU 2013, L 328, p. 40).