1.8.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 279/16
Appell ippreżentat fit-13 ta’ Mejju 2016 minn Binca Seafoods GmbH mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fil-11 ta’ Marzu 2016 fil-Kawża T-94/15, Binca Seafoods GmbH vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-268/16 P)
(2016/C 279/22)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: Binca Seafoods GmbH (rappreżentant: H. Schmidt, avukat)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Marzu 2016 fil-Kawża T-94/15 u
—
tannulla r-Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1358/2014, tat-18 ta’ Diċembru 2014, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 889/2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 fir-rigward tal-oriġini tal-annimali tal-akkwakultura organika, il-prattiki tat-trobbija tal-akkwakultura, l-għalf għall-annimali tal-akkwakultura organika u l-prodotti u s-sustanzi permessi għall-użu fl-akkwakultura organika (1).
Aggravji u argumenti prinċipali
L-għan ta’ dan l-appell huwa l-annullament tad-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Marzu 2016 fil-Kawża T-94/15, li permezz tiegħu r-rikors għal annullament ippreżentat mill-appellanti kontra r-Regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1358/2014, tat-18 ta’ Diċembru 2014, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 889/2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 fir-rigward tal-oriġini tal-annimali tal-akkwakultura organika, il-prattiki tat-trobbija tal-akkwakultura, l-għalf għall-annimali tal-akkwakultura organika u l-prodotti u s-sustanzi permessi għall-użu fl-akkwakultura organika, ġie miċħud bħala inammissibbli, kif ukoll it-talba intiża għall-annullament ta’ dan ir-regolament.
L-appellanti tinvoka ksur tad-dritt fundamentali tagħha għal ġustizzja taħt l-Artikolu 47 li jinsab fit-Titolu VI tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Fuq il-mertu, ir-rikors għal annullament huwa permess mid-dritt primarju tal-Unjoni Ewropea. Id-dritt fundamentali rrikonoxxut fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 47 jippermetti l-użu effettiv tar-rimedji ġudizzjarji awtorizzati. Id-digriet tal-Qorti Ġenerali jikser id-dritt għal rimedju effettiv tal-appellanti fis-sens tal-garanzija ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li tirriżulta mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 47 tal-Karta.
L-appellanti tinvoka ksur tad-dritt fundamentali mogħti lilha mit-tieni sentenza tal-Artikolu 47, minħabba li allegatament inkisru d-dritt fundamentali tagħha għal nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 21 u d-dritt fundamentali tagħha għall-garanzija tal-libertà ta’ intrapriża stabbilit fl-Artikolu 16, mingħajr ma r-rikors tagħha ġie ttrattat bħala rimedju effettiv. Il-Qorti Ġenerali tat intepretazzjoni ġdida lis-suġġett tar-rikors tagħha, li kien intiż għall-ksib ta’ protezzjoni mill-kompetizzjoni, u interpretatu bħala li huwa intiż għall-ksib tal-benefiċċju ta’ estensjoni tas-sistema tranżitorja, li ma madankollu huwiex is-suġġett tar-rikors tagħha għal annullament.
L-appellanti tallega diskriminazzjoni fil-konfront tagħha bħala fornitur ta’ prodotti tal-akkwakultura mill-pangasius fil-Vjetnam meta mqabbla mal-fornituri ta’ prodotti tal-akwakultura mill-annimali, b’mod partikolari dawk fl-Unjoni Ewropea, li fir-rigward tagħhom is-sistemi tranżitorji ġew estiżi mir-regolament ikkontestat lil hinn mill-aħħar tal-2015, filwaqt li dawk is-sistemi tranżitorji li jikkonċernaw il-pangasius intemmu.
L-appellanti ssostni li l-kompetituri tagħha jistgħu joffru l-prodotti tagħhom bl-indikazzjoni “organiku” minħabba trattament favorevoli arbitrarju, meta dan huwa pprojbit għaliha. Hija tallega vantaġġ kompetittiv inġust u mhux ġustifikat mogħti lill-kompetituri tagħha, li minkejja li ma jissodisfawx kompletament ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni f’dan il-qasam, għandhom id-dritt li jużaw l-indikazzjoni “organiku”. L-appellanti tixtieq li tingħata ugwaljanza fit-trattament mil-leġiżlatur tal-Unjoni.
Hija tinvoka ksur tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza taħt l-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u diskriminazzjoni fis-sens tal-Artikolu 21. Hija tallega wkoll ksur tad-dritt fundamentali mogħti lilha taħt l-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, jiġifieri l-garanzija tal-libertà tagħha ta’ intrapriża.
(1) ĠU L 365, p. 97.