4.7.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 243/27
Appell ippreżentat fit-13 ta’ Mejju 2016 minn Panalpina World Transport (Holding) Ltd, Panalpina Management AG, Panalpina China Ltd mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fid-29 ta’ Frar 2016 fil-Kawża T-270/12: Panalpina World Transport (Holding) Ltd et vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-271/16 P)
(2016/C 243/27)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Panalpina World Transport (Holding) Ltd, Panalpina Management AG, Panalpina China Ltd (rappreżentanti: S. Mobley, A. Stratakis u A. Gamble, Solicitors)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla s-sentenza appelata, sa fejn tiċħad l-ewwel motiv tal-appelanti f’dak li jirrigwarda l-ksur;
—
temenda l-Artikolu 2(2) u (3) tad-deċiżjoni tat-28 ta’ Marzu 2012 fil-Każ COMP/39462 – Transit (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jirrigwardaw lill-appellanti u, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti tal-Ġustizzja, tnaqqas il-multi imposti fuq l-appellanti; u
—
f’kull każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tagħha stess u għal dawk sostnuti mill-appellanti fil-kuntest ta’ din il-proċedura u tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.
Aggravji u argumenti prinċipali
Fil-kuntest tal-verifika ta’ jekk il-Kummissjoni kinitx tbegħdet mill-prassi deċiżjonali tagħha, kinitx wettqet żbalji ta’ liġi jew kinitx kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ dritt billi marret manifestament lil hinn mil-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli tal-provi li ġew prodotti quddiemha u billi applikat b’mod ħażin il-ġurisprudenza rilevanti. L-aggravji preċiżi tal-appellanti insostenn tal-appell huma s-segwenti:
1.
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ dritt billi marret manifestament lil hinn mil-limiti ta’ evalwazzjoni raġonevoli tal-provi dwar jekk il-ksur inkwistjoni, b’mod partikolari l-ksur marbut mal-AMS u s-CAF, kienx jirrigwarda l-“pakkett tas-servizzi” ta’ tranżitu kollu.
2.
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ma applikatx il-prinċipju ġurisprudenzjali li jgħid li, fil-każ ta’ ksur marbut ma komponent ta’ prodott jew ta’ servizz, il-Kummissjoni għandha tiħu inkunsiderazzjoni biss il-bejgħ imputabbli lil dan il-komponent.