18.7.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 260/33
Appell ippreżentat fis-17 ta’ Mejju 2016 mis-Società cooperativa Amrita arl et mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fil-11 ta’ Marzu 2016 fil-Kawża T-439/15, Amrita et vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-280/16 P)
(2016/C 260/41)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Appellanti: Soc. coop. Amrita arl; Cesi Marta; Comune Agricola Lunella - Soc. mutua coop. arl; Rollo Olga; Borrello Claudia; Società agricola Merico Maria Rosa di Consiglia, Marta u Vito Lisi; Marzo Luigi; Stasi Anna Maria; Azienda Agricola Crie di Miggiano Gianluigi; Castriota Maria Grazia; Azienda Agricola di Cagnoni Fiorella; Azienda Agricola Spirdo ss agr.; Impresa Agricola Stefania Stamerra; Azienda Agricola Clemente Pezzuto di Pezzuto Francesco; Simone Cosimo Antonio; Masseria Alti Pareti Soc. agr. arl (rappreżentanti: L. Paccione, V. Stamerra, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummisjsoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla u tirrinvija d-digriet ikkontestat, billi tiddikjara jekk ikun il-każ l-interess ġuridiku tal-appellanti
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell, l-appellanti jinvokaw l-aggravji li ġejjin:
1.
L-ewwel aggravju: żball ta’ liġi. Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti rilevanti. Motivazzjoni żbaljata u insuffiċjenti fir-rigward tal-punti 12 sa 22 tad-digriet ikkontestat
Id-digriet ikkontestat huwa bbażat fuq premessa żbaljata li l-appellanti talbu l-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/789 tat-18 ta’ Mejju 2015 fir-rigward ta’ miżuri li jipprevjenu l-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni tal-Xylella fastidiosa (Wells et al) (ĠU L 125, p. 36) fl-intier tagħha, minflok, dak li talbu verament, għal partijiet biss speċifikament imsemmija fir-rikors promotur u fir-risposta għall-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-Kummissjoni.
2.
It-tieni aggravju: żball ta’ liġi. Evalwazzjoni mhux eżatta tal-fatti rilevanti. Natura insuffiċjenti, kontradittorja u żbaljata tal-motivazzjoni
Id-digriet ikkontestat issostni b’mod żbaljat li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet timponi miżuri ta’ implementazzjoni adottati mill-Istat Taljan fir-rigward tad-delimitazzjoni taż-żona infettata mix-Xylella fastidiosa. Din id-dikjarazzjoni hija miċħuda mill-fatt stabbilit li d-deċiżjoni kklassifikat b’mod mhux derogabbli bħala żona infettata, iż-żona kollha tal-provinċja ta’ Lecce, li għandha limiti territorjali li huma ttraċċati fuq il-mapep.
3.
It-tielet aggravju: l-illegalità tal-punt 25 moqri flimkien, b’mod partikolari, mal-punt 21 tad-digriet ikkontestat: motivazzjoni kontradittorja, żbaljata u manifestament infondata
Il-motivazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali fil-punt 21 tad-digriet ikkontestat issostni li, sabiex jiġi evalwat jekk att regolatorju fihx miżuri ta’ implementazzjoni, għandu jsir riferiment għall-pożizzjoni tal-persuna li tinvoka d-dritt għal azzjoni. L-istess Qorti Ġenerali fil-paragrafu 25 tad-digriet tidderoga minn dan il-kriterju ta’ interpretazzjoni, billi twieġeb fin-negattiv għad-domanda dwar il-locus standi tal-appellanti.
4.
Ir-raba’ aggravju: żball ta’ liġi. Evalwazzjoni mhux eżatta tal-fatti rilevanti. Motivazzjoni insuffiċjenti, kontradittorja u żbaljata
Il-Qorti Ġenerali minn naħa, tiddikjara li l-Ministero delle Politiche Agricole Taljan adotta, permezz ta’ digriet, miżuri ta’ implementazzjoni għall-Artikoli 4, 6 u 7 tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni u mill-oħra, tikkontradiċi lilha nfisha billi tieħu konjizzjoni ta’ ċerti miżuri tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni ma jidhrux fl-imsemmi digriet.
5.
Il-ħames aggravju: żball ta’ liġi. Evalwazzjoni mhux eżatta tal-fatti rilevanti. Motivazzjoni insuffiċjenti, kontradittorja u żbaljata
Il-punt 24 tad-digriet ikkontestat jonqos milli jieħu inkunsiderazzjoni l-kontenut effettiv tar-rikors promotur li fih l-appellanti jikkontestaw l-Artikolu 6(4) u l-Artikolu 7(4) tad-deċiżjoni, f’dak li jirrigwarda l-obbligu tat-trattamenti fitosanitarji projbiti fl-agrikultura bioloġika, obbligu li jifforma parti mill-miżura ta’ implementazzjoni li tippreġudika direttament lill-kumpanniji appellanti li jistgħu jitilfu, minħabba l-applikazzjoni tagħha, iċ-ċertifikazzjoni bioloġika li għandhom.
6.
Is-sitt aggravju: żball ta’ liġi. Evalwazzjoni mhux eżatta tal-fatti rilevanti. Motivazzjoni insuffiċjenti, kontradittorja u żbaljata
Il-punti 33 u 34 tad-digriet ikkontestat ma jieħux inkunsiderazzjoni l-prova miktuba ppreżentata matul il-proċedura li tirrigwarda d-dannu individwali li jissubixxu l-appellanti minħabba l-miżuri kkontestati.
7.
Is-seba’ aggravju: żball ta’ liġi. Assenza ta’ deċiżjoni fuq il-kwistjoni tad-dannu dirett li jirriżulta mill-miżuri kkontestati
Il-Qorti Ġenerali naqset milli tiddeċiedi fuq is-sussistenza oġġettiva tad-dannu dirett li jsofru l-kumpanniji appellanti minħabba l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ implementazzjoni, deċiżi mill-Kummissjoni u kkontestati hawnhekk.