18.7.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 260/35
Appell ippreżentat fis-26 ta’ Mejju 2016 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fis-16 ta’ Marzu 2016 fil-Kawża T-103/14, Frucona Košice a.s. vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-300/16 P)
(2016/C 260/43)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: L. Armati, T. Maxian Rusche, B. Stromsky, K. Walkerová, aġenti)
Parti oħra fil-proċedura: Frucona Košice a.s.
Talbiet
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tas-16 ta’ Marzu 2016, innotifikata lill-Kummissjoni fl-istess ġurnata, fil-Kawża T-103/14 Frucona Košice a.s. vs Il-Kummissjoni;
—
tiddeċiedi hija stess fir-rigward tar-rikors fl-ewwel istanza u tiċħad l-istess rikors bħala legalment infondat; u
—
tikkundanna lill-parti l-oħra fil-proċedura, rikorrenti fl-ewwel istanza, għall-ispejjeż.
Sussidjarjament, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tas-16 ta’ Marzu 2016, innotifikata lill-Kummissojni, fl-istess ġurnata, fil-Kawża T-103/14 Frucona Košice a.s. vs Il-Kummissjoni; u
—
terġa’ tibgħat il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex teżamina t-tieni, u, sa fejn meħtieġ, it-tieled u r-raba’ motivi fl-ewwel istanza; u
—
tirriżerva l-ispejjeż tal-proċedimenti fl-ewwel istanza u l-ispejjeż ulterjuri.
Aggravji u argumenti prinċipali
Skont il-Kummissjoni, id-deċiżjoni appellata għandha tiġi annullata għar-raġunijiet li ġejjin, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-applikabbiltà tal-kriterju tal-kreditur privat, u, fit-tieni lok, l-applikazzjoni tal-kriterju tal-kreditur privat.
Fir-rigward tal-applikabbiltà tal-kriterju tal-kreditur privat, il-Kummissjoni tqajjem tliet aggravji. Fl-ewwel lok, interpretazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni kontenzjuża; fit-tieni lok, żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE dwar l-applikabbiltà tal-kriterju tal-kreditur privat; u, fit-tielet lok, applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ res judicata.
Is-sentenza appellata tqis li l-kriterju tal-kreditur privat hija applikabbli anki fejn l-Istat Membru jsostni, waqt il-proċedura amministrattiva, abbażi ta’ argumenti ddettaljati, li l-awtorità pubblika ma tkunx aġixxiet abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet li jiggwidaw operatur privat, sakemm ma jiġix sostnut mod ieħor minn parti kkonċernata. Il-Kummissjoni tifhem mill-ġurisprudenza li l-pożizzjoni tal-Istat Membru hija ta’ importanza fundamentali fir-rigward tal-applikabbiltà tal-kriterju tal-kreditur privat.
Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-kreditur privat, il-Kummissjoni tqajjem żewġ aggravji. Fl-ewwel lok, ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE fir-rigward tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-kreditur privat. Fit-tieni lok, żball min-naħa tal-Qorti Ġenerali fl-interpretazzjoni tal-obbligu ta’ tmexxija ta’ investigazzjoni diliġenti u imparzjali fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat allegata skont l-Artikolu 107(1) TFUE.
Il-Qorti Ġenerali tirrikjedi mill-Kummissjoni li din tirrikostitwixxi ex officio l-aġir tal-kreditur privat ipotetiku ideali, razzjonali u kompletament informat. Barra minn hekk, dan ir-rekwiżit jeżisti indipendentement minn dak li l-Istat Membru kkonċernat effettivament għamel jew qal. Il-Kummissjoni tifhem mill-ġurisprudenza li din ma tirrikjedix li l-Kummissjoni nnifisha, qabel ma tagħmel l-evalwazzjoni tagħha, tiġbor il-provi u l-informazzjoni li kreditur privat kien jiġbor huwa stess, fil-każ fejn l-awtorità pubblika inkwistjoni ma tkunx għamlet dan. Il-kompitu tagħha huwa pjuttost limitat sabiex tivverifika jekk, b’mod suġġettiv, l-awtorità pubblika, abbażi tal-aġir tagħha u tal-provi u informazzjoni li hija effettivament kellha meta adottat id-deċiżjoni tagħha, aġixxietx bħal ma kien jaġixxi kreditur privat fl-iktar sitwazzjoni possibbilment viċina għal dik tal-awtorità pubblika meta adottat id-deċiżjoni dwar l-għoti tal-miżura inkwistjoni.