25.7.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 270/32
Appell ippreżentat fis-26 ta’ Mejju 2016 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) fis-16 ta’ Marzu 2016 fil-Kawża T-586/14, Xinyi PV Products (Anhui) Holdings Ltd vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-301/16 P)
(2016/C 270/36)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellant: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: T. Maxian Rusche u L. Flynn, aġenti)
Parti oħra fil-proċedura: Xinyi PV Products (Anhui) Holdings Ltd
Talbiet
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tas-16 ta’ Marzu 2016, Xinyi PV Products (Anhui) Holdings vs Il-Kummissjoni (Kawża T-586/14), innotifikata lill-Kummissjoni fis-17 ta’ Marzu 2016;
—
tiċħad bħala infondata fid-dritt l-ewwel parti tal-ewwel motiv tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali;
—
tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali f’dak li jirrigwarda t-tieni parti tal-ewwel motiv kif ukoll it-tieni, it-tielet u r-raba’ motiv tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali;
—
tirriżerva l-ispejjeż tal-ewwel istanza u tal-appell.
Aggravji u argumenti prinċipali
Il-Kummissjoni titlob l-annullament tas-sentenza appellata u tqajjem l-aggravji li ġejjin:
L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata mill-Qorti Ġenerali tal-kunċett ta’ “miġrur mis-sistema ekonomika ta’ qabel li ma kienitx tas-suq” tat-tielet inċiż tal-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009 (1) dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea. Dan l-aggravju huwa maqsum f’ħames partijiet:
—
l-ewwel parti: il-miżuri ta’ eżekuzzjoni tal-pjan fuq ħames snin huma miġrura mis-sistema ekonomika preċedenti li ma kinitx tas-suq
—
it-tieni parti: is-sostenn ta’ setturi ta’ attivitajiet strateġiċi (“għażla tar-rebbieħa”) ma jikkostitwixxix għan leġittimu f’ekonomija tas-suq
—
it-tielet parti: f’ekonomija tas-suq, is-sussidji ma humiex tali li jistgħu jiġu adattati, iżda huma marbuta ma’ investiment
—
ir-raba’ parti: il-miżuri eżaminati ma humiex komparabbli ma’ miżuri ta’ għajnuna illegali u inkompatibbli kkonstatati fl-Unjoni
—
il-ħames parti: żball ta’ interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ekonomija mhux tas-suq”
It-tieni aggravju huwa bbażat fuq il-fatt li s-sentenza appellata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni u b’motivazzjoni kontradittorja.
It-tielet aggravju huwa bbażat fuq il-fatt li s-sentenza appellata hija vvizzjata b’difetti proċedurali:
—
l-ewwel parti: il-Qorti Ġenerali marret lil hinn mis-setgħat tagħha (billi ddeċidiet ultra vires), hija kisret il-prinċipju skont liema s-suġġett ta’ tilwima huwa stabbilit mill-partijiet u kisret ukoll id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikoli 44(1) u 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kif kienu fis-seħħ fiż-żmien li fih tressqet il-kawża fl-ewwel istanza;
—
it-tieni parti: il-Kummissjoni ma nstemgħetx rigward il-kompatibbiltà allegata bejn, minn naħa, il-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi ċċitati fil-punt 66 tas-sentenza appellata u, min-naħa l-oħra, il-miżuri ta’ għajnuna eżaminati;
—
it-tielet parti: il-Qorti Ġenerali ma ddikjaratx ruħha dwar l-argumenti mqajma mill-Kummissjoni rigward id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “ekonomija mhux tas-suq”
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51).