1.8.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 279/22
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mid-Dublin Circuit & District Civil Courts Office (l-Irlanda) fis-6 ta’ Ġunju 2016 – Maria Isabel Harmon vs Owen Pardue
(Kawża C-321/16)
(2016/C 279/29)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Qorti tar-rinviju
Dublin Circuit & District Civil Courts Office
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Maria Isabel Harmon
Konvenut: Owen Pardue
Domandi preliminari
1)
Fid-dawl ta’ dak li ġie espost fid-deċiżjoni tar-rinviju, id-Director of Public Prosecutions [direttur tal-prosekuzzjonijiet penali, l-Irlanda, iktar ’il quddiem id-“DPP”] wettaq ksur tad-drittijiet fundamentali ta’ O. Pardue, b’mod partikolari tad-drittijiet stabbiliti mill-Artikoli 6, 20, 41, 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u elaborati fil-preambolu tagħha?
2)
Fid-dawl ta’ dak li ġie espost fid-deċiżjoni tar-rinviju, id-DPP għandu d-dritt jirrifjuta li jikkonforma ruħu mal-ordnijiet leġittimi ta’ qorti u l-fatt li ma jikkonformax ruħu magħhom u/jew li ma jiġġustifikax jew li ma jimmotivax il-fatt li ma jikkonformax ruħu magħhom huwa kompatibbli mal-Karta?
3)
Fid-dawl ta’ dak li ġie espost fid-deċiżjoni tar-rinviju, kif ukoll tal-fatt li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Irlanda, deċiżjoni tad-DPP ma tistax tkun is-suġġett ta’ azzjoni legali ħlief jekk jiġi stabbilit li huwa aġixxa b’mala fide jew għal raġunijiet illeġittimi jew skont politika illeġittima, dan huwa konformi u kompatibbli mal-Karta fir-rigward tal-fatti tal-kawża?