22.8.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 305/17
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Audiencia Provincial de Albacete (Spanja) fil-15 ta’ Ġunju 2016 – José Luís Núñez Torreiro vs Seguros Chartis Europe S.A.
(Kawża C-334/16)
(2016/C 305/25)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Qorti tar-rinviju
Audiencia Provincial de Albacete
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: José Luís Núñez Torreiro
Konvenuta: Seguros Chartis Europe S.A.
Domandi preliminari
1)
Il-kunċett ta’ “użu ta’ vetturi” – jew [fil-leġiżlazzjoni Spanjola] “hecho de la circulación” – bħala riskju tal-assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili għall-użu ta’ vetturi bil-mutur, li tagħmel riferiment għalih il-leġiżlazzjoni Komunitarja (fost l-oħrajn, id-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 (1), fl-Artikolu 3 tagħha), jista’ jiġi ddeterminat mil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru b’mod differenti minn kif inhuwa ddeterminat fil-leġiżlazzjoni Komunitarja?
2)
Fil-każ ta’ risposta affermattiva, l-imsemmi kunċett jista’ jeskludi (minbarra ċerti persuni speċifiċi u ċerti reġistrazzjonijiet jew tipi ta’ vetturi, kif indikat fl-Artikolu 5(1) u (2) tal-imsemmija direttiva) ċirkustanzi ta’ użu skont il-post fejn tintuża l-vettura, bħal ma huma toroq jew terreni “mhux adatti” għall-użu ta’ vetturi?
3)
Bl-istess mod, jistgħu jiġu esklużi bħala “hecho de la circulación” attivitajiet speċifiċi tal-vettura marbutin mal-iskop tagħha (bħal ma jista’ jkun l-użu sportiv, industrijali jew agrikolu tagħha) jew mal-intenzjoni tas-sewwieq (bħal ma jista’ jkun it-twettiq ta’ delitt intenzjonali permezz tal-vettura)?
(1) Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU L 263, p. 11).
Full & Egal Universal Law Academy