19.9.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 343/28
Appell ippreżentat fl-24 ta’ Ġunju 2016 minn Salvatore Aniello Pappalardo, Pescatori La Tonnara Soc. coop., Fedemar Srl, Testa Giuseppe & C. s.n.c, Pescatori San Pietro Apostolo Srl, Camplone Arnaldo & C. Snc di Camplone Arnaldo & C., Valentino Pesca s.a.s., di Camplone Arnaldo & C. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fis-27 ta’ April 2016 fil-Kawża T-316/13, Pappalardo et vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-350/16 P)
(2016/C 343/41)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Appellanti: Salvatore Aniello Pappalardo, Pescatori La Tonnara Soc. coop., Fedemar Srl, Testa Giuseppe & C. s.n.c, Pescatori San Pietro Apostolo Srl, Camplone Arnaldo & C. Snc di Camplone Arnaldo & C., Valentino Pesca s.a.s., di Camplone Arnaldo & C (rappresentanti: V. Cannizzaro u L. Caroli, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
Prinċipalment, tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ April 2016 fil-Kawża T-316/13, u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għad-deċiżjoni tat-tilwima konformement mal-prinċipji legali stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja.
—
Sussidjarjament, kemm-il darba tqis, konformement l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li r-rikors jippermetti dan, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fil-mertu t-talba mressqa mill-appellanti fir-rikors oriġinali ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali u, b’mod partikolari:
— 1.
tikkonferma r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kummissjoni Ewropea għad-dannu kkawżat lill-appellanti bl-adozzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 530/2008, tat-12 ta’ Ġunju 2008, li jistabbilixxi miżuri ta’ emerġenza fir-rigward ta’ bastimenti bil- purse seines li jistadu għat-tonn fl-Oċean Atlantiku, fil-Lvant tal-lonġitudni 45 oW, u fil-Baħar Mediterran (1), iddikjarat invalidu mill-Qorti tal-Ġustizzja b’sentenza tas-17 ta’ Marzu 2011, fil-Kawża C-221/09 (EU:C:2011:153);
— 2.
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea biex tikkumpensa lill-appellanti għad-danni kkawżati.
—
Tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea tbati l-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
I.
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta eskludiet ir-rilevanza tad-digriet tal-imsemmija Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Frar 2012, fil-Kawża T-305/08, fid-determinazzjoni tal-portata tad-dikjarazzjoni ta’ invalidità tar-Regolament Nru 530/2008 fis-sentenza AJD Tuna.
Sabiex tiddikjara li ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni fil-Kawża T-305/08, il-Qorti Ġenerali, fid-digriet tagħha tal-14 ta’ Frar 2012, interpretat is-sentenza AJD Tuna fis-sens li din tal-aħħar laqgħet b’mod sħiħ it-talbiet tar-rikorrenti f’dik il-kawża, intiżi għad-dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 530/2008. B’hekk, id-determinazzjoni tal-portata tad-dikjarazzjoni ta’ invalidità magħmula fis-sentenza AJD Tuna kienet tirrappreżenta s-suġġett tad-dispożittiv tad-digriet tal-14 ta’ Frar 2012.
Isegwi li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kellha tapplika d-dikjarazzjoni ta’ invalidità tar-Regolament Nru 530/2008 fis-sentenza AJD Tuna skont il-portata stabbilita mid-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Frar 2012, fil-Kawża T-305/08.
II.
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta sostniet li l-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni mir-Regolament Nru 530/2008 ma jikkostitwix ksur serju u manifest.
Il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx kif in-natura serja u manifesta tal-ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni tidher anki fis-sentenza AJD Tuna. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali naqset milli tapplika l-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza tagħha stess fis-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2007, Schneider Electric vs Il-Kummissjoni, Kawża T-351/03 (EU:T:2007:212), u fis-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2010 Artegodan vs Il-Kummissjoni, Kawża T-429/05 (EU:T:2010:60). Finalment, il-Qorti Ġenerali ma applikatx il-kriterju stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tas-16 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Schneider Electric, Kawża C-440/07 P (EU:C:2009:459).
(1) GU L 155, p. 9.