12.9.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 335/37
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Litwanja) fit-28 ta’ Ġunju 2016 – UAB “Gelvora” vs Valstybinė vartotojų teisių apsaugos tarnyba
(Kawża C-357/16)
(2016/C 335/50)
Lingwa tal-kawża: il-Litwan
Qorti tar-rinviju
Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: UAB “Gelvora”
Konvenuta: Valstybinė vartotojų teisių apsaugos tarnyba
Domandi preliminari
1)
Ir-relazzjoni ġuridika bejn kumpannija li xtrat kreditu permezz ta’ kuntratt ta’ trasferiment ta’ kreditu u d-debitur, persuna fiżika, li d-dejn tiegħu joriġina minn kuntratt ta’ kreditu għall-konsum, meta l-imsemmija kumpannija timplementa miżuri ta’ rkupru, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1)?
2)
Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, il-kunċett ta’ “prodott”, previst fl-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2005/29, jinkludi l-miżuri ta’ rkupru tal-kreditu, mixtri permezz ta’ kuntratt ta’ trasferiment ta’ kreditu, mingħand id-debitur, persuna fiżika, li d-dejn tiegħu joriġina minn kuntratt ta’ kreditu għall-konsum konkluż mal-kreditur inizjali?
3)
Ir-relazzjoni ġuridika bejn kumpannija li xtrat kreditu permezz ta’ kuntratt ta’ trasferiment ta’ kreditu u d-debitur, persuna fiżika, li d-dejn tiegħu joriġina minn kuntratt ta’ kreditu għall-konsum u li diġà ġie kkundannat iħallas dan id-dejn permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li kisbet l-awtorità ta’ res judicata u li ngħaddiet lill-marixxall għall-eżekuzzjoni, meta l-imsemmija kumpannija timplementa miżuri ta’ rkupru paralleli, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29?
4)
Fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tielet domanda, il-kunċett ta’ “prodott”, previst fl-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2005/29, jinkludi l-miżuri ta’ rkupru tal-kreditu, mixtri permezz ta’ kuntratt ta’ trasferiment ta’ kreditu, mingħand id-debitur, persuna fiżika, li d-dejn tiegħu joriġina minn kuntratt ta’ kreditu għall-konsum konkluż mal-kreditur inizjali u li għall-ħlas tiegħu dan id-debitur kien diġà ġie kkundannat permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li kisbet l-awtorità ta’ res judicata u li ngħaddiet lill-marixxall għall-eżekuzzjoni?
(1) ĠU 2005, L 149, p. 22.