22.8.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 305/19
Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Ġunju 2016 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika
(Kawża C-363/16)
(2016/C 305/27)
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: Α. Bouchagiar u B. Stromsky, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika Ellenika
Talbiet
—
tikkonstata li billi ma ħaditx, fit-termini stabbiliti, il-miżuri kollha neċessarji għall-implementazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-22 ta’ Frar 2012 dwar għajnuna mill-Istat SA.26534 (C 27/10 ex NN 6/09) mogħtija mill-Greċja lill-United Textiles SA jew, fi kwalunkwe każ, billi ma żammitx lill-Kummissjoni informata b’mod suffiċjenti bil-miżuri meħuda skont l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni, ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2, 3 u 4 tal-imsemmija deċiżjoni kif ukoll taħt it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
—
tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
1.
Skont id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Frar 2012 dwar għajnuna mill-Istat SA.26534, ir-Repubblika Ellenika kienet obbligata tirkupra, fi żmien erba’ xhur, l-għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern li hija kienet tat lil United Textiles S.A. – jiġifieri l-garanzija ta’ Stat tal-2007 u l-iskedar mill-ġdid ta’ djun mhux imħallsa fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fl-2009 – u obbligata żżomm lill-Kummissjoni informata b’mod suffiċjenti bil-miżuri meħuda għal dan l-għan.
2.
Madankollu, ir-Repubblika Ellenika ma rkupratx din l-għajnuna fi żmien erba’ xhur, hekk kif kellha tagħmel. Barra minn hekk, ir-Repubblika Ellenika għadha ma ħaditx l-azzjonijiet neċessarji għall-implementazzjoni tad-deċiżjoni. Bl-għan li tiġi studjata l-possibbiltà li din l-impriża terġa’ tibda topera, l-awtoritajiet Griegi, b’Digriet Liġi tat-30 ta’ Diċembru 2015, issospendew għal sitt xhur il-proċedura ta’ bejgħ bl-irkant pubbliku li permezz tagħha l-attiv ta’ United Textiles S.A. kellu jinbiegħ, minkejja li l-għajnuna inkompatibbli ma ġietx irkuprata. Fi kwalunkwe każ, ir-Repubblika Ellenika ma żammitx lill-Kummissjoni informata b’mod suffiċjenti bl-azzjonijiet rilevanti meħuda għall-implementazzjoni tad-deċiżjoni.
Full & Egal Universal Law Academy