10.10.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 371/2
Appell ippreżentat fil-5 ta’ Lulju 2016 mill-Irlanda mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla Estiża) fit-22 ta’ April 2016 fil-Kawżi magħquda T-50/06 RENV II u T-69/09 RENV II: Aughinish Alumina Ltd vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-369/16 P)
(2016/C 371/02)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: L-Irlanda (rappreżentanti: E. Creedon, T. Joyce, aġenti, P. McGarry, Senior Counsel)
Partijiet oħra fil-proċedura: Aughinish Alumina Ltd, Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla s-sentenza
—
tannulla d-Deċiżjoni (1)
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż
Aggravji u argumenti prinċipali
L-Irlanda tippreżenta erba’ aggravji f’ dan l-appell:
a)
Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali hija legalment żbaljata sa fejn sostniet li l-prinċipju ta’ ċertezza legali ma kienx japplika u/jew ma kienx ta’ benefiċċju għall-Irlanda u Aughinish Alumina Ltd, minkejja d-dewmien inskużabbli tal-Kummissjoni sabiex waslet għad-deċiżjoni kkontestata.
b)
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li ma kienx hemm ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, minkejja l-konstatazzjoni li d-dewmien fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni kien bla ġustifikazzjoni u inskużabbli.
c)
Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonkludiet li l-għajnuna inkwistjoni “ikkorrispondiet ma’ skema ta’ għajnuna” kif iddefinita fl-Artikolu 1(d) tar-Regolament tal-Kunsill 659/1999 (2); barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkonkludiet li l-perijodu ta’ limitazzjoni fl-Artikolu 15 tar-Regolament 659/1999 beda jiddekorri mid-data ta’ kull importazzjoni ta’ żjut minerali minn Aughinish Alumina Ltd.
d)
Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta rrifjutat li tilqa’ r-rikors fuq il-bażi li l-għajnuna tista’ tiġi ddefinita bħala għajnuna eżistenti qabel l-adeżjoni.
(1) 2006/323/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-7 ta’ Diċembru 2005, dwar l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa fuq iż-żjut minerali użati bħala fjuwil għall-produzzjoni ta’ alumina fir-reġjun ta’ Gardanne, fir-reġjun ta’ Shannon u f’Sardenja, implementata rispettivament minn Franza, l-Irlanda u l-Italja [innotifikata taħt id-dokument numru C (2005) 4436], ĠU L 119. p. 12.
(2) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339.
Full & Egal Universal Law Academy