10.10.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 371/3
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-College van Beroep voor het Bedrijfsleven (il-Pajjiżi l-Baxxi) fil-11 ta’ Lulju 2016 – Vion Livestock BV vs Staatssecretaris van Economische Zaken
(Kawża C-383/16)
(2016/C 371/03)
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Qorti tar-rinviju
College van Beroep voor het Bedrijfsleven
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Vion Livestock BV
Konvenut: Staatssecretaris van Economische Zaken
Domandi preliminari
1)
L-Artikoli 5(4) u 8(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 (1), tat-22 ta’ Diċembru 2004, dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati, moqrija flimkien mad-dispożizzjonijiet dwar il-ktieb tal-vjaġġ li jinsab fl-Anness II ta’ dan ir-regolament, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jimponu fuq l-organizzatur tat-trasport jew fuq il-gwardjani tal-annimali, jew fuq it-tnejn li huma, l-obbligu, fil-każ tat-trasport ta’ annimali lejn pajjiż terz, li jinżamm il-ktieb tal-vjaġġ sad-destinazzjoni f’dan il-pajjiż terz?
2)
L-Artikoli 5 u 7 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 817/2010 (2), tas-16 ta’ Settembru 2010, li jippreskrivi regoli dettaljati skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward ta’ rekwiżiti għall-għoti ta’ rifużjonijiet [ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni] konnessi mal-welfare tal-annimali tal-ifrat ħajjin matul it-trasport, moqrija flimkien mal-Artikolu 4 ta’ dan l-istess regolament, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni għandhom jiġu rkuprati meta l-ktieb tal-vjaġġ ma jkunx inżamm sad-destinazzjoni fil-pajjiż terz għaliex it-trasportatur ikun issodisfa l-obbligu impost fuqu mill-Artikolu 7 tal-Anness II tar-Regolament Nru 1/2005 li jagħti dan il-ktieb tal-vjaġġ lill-veterinarju uffiċjali fil-punt ta’ ħruġ mit-territorju tal-Unjoni?
3)
L-Artikoli 5 u 7 tar-Regolament Nru 817/2010, moqrija flimkien mal-Artikolu 4 tal-istess regolament, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni għandhom jiġu rkuprati jekk l-esportatur ma jkunx jista’ juri li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2005 ikunu ġew osservati f’sitwazzjoni fejn il-veterinarju, fil-kuntest tal-kontrolli li għandu jwettaq fil-pajjiż terz skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 817/2010, ma jkunx jista’ jivverifika jekk l-informazzjoni tal-pjan ta’ rotta (il-ktieb tal-vjaġġ) hijiex jew le sodisfaċenti, jiġifieri jekk hijiex jew le konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2005 (u meta, konsegwentement, lanqas ma jkun jista’ jiddikjara li l-eżitu ta’ dawn il-kontrolli huwa sodisfaċenti) għaliex it-trasportatur ikun ta l-ktieb tal-vjaġġ lill-veterinarju uffiċjali fil-punt ta’ ħruġ mit-territorju tal-Unjoni?
(1) ĠU 2005, L 3, p 1.
(2) ĠU 2010, L 245, p 16.
Full & Egal Universal Law Academy