5.9.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 326/18
Appell ippreżentat fid-19 ta’ Lulju 2016 mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fl-10 ta’ Mejju 2016 fil-Kawża T-47/15, Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-405/16 P)
(2016/C 326/30)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (rappreżentanti: T. Henze u R. Kanitz, aġenti, assistiti minn T. Lübbig, avukat)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla fl-intier tagħha s-sentenza appellata tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tal-10 ta’ Mejju 2016 fil-Kawża T-47/15;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż tal-proċedura.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti tinvoka tliet aggravji:
L-ewwel aggravju: is-sentenza appellata tal-Qorti Ġenerali ma tieħux inkunsiderazzjoni l-limiti tal-għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) TFUE fl-interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ “riżorsi tal-Istat” u ta’ “kontroll” tal-Istat fuq ir-riżorsi finanzjarji ta’ impriżi privati. Is-sentenza appellata tikkonstata, b’mod żbaljat, li “awtoritajiet” tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jeżerċitaw, skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi Ġermaniża dwar l-enerġija rinnovabbli, “kontroll”, u għalhekk setgħa amministrattiva, fuq il-fondi tal-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni u ta’ fornituri ta’ enerġija, li huma involuti fis-sistema ta’ promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli fis-seħħ fil-Ġermanja. L-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali kellha tikkonstata li l-liġi dwar l-enerġija rinnovabbli tirregola biss ir-relazzjonijiet kuntrattwali tad-dritt ċivili bejn impriżi individwali fis-suq tal-enerġija Ġermaniż, mingħajr ma tistabbilixxi kontroll Statali fuq il-fondi ta’ dawn l-impriżi.
It-tieni aggravju: l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali sostniet, b’mod żbaljat, li l-liġi Ġermaniża dwar l-enerġija rinnovabbli tagħti vantaġġ rilevanti, li legalment jitqies li huwa għajnuna, lill-utenti finali ta’ konsum intensiv ta’ enerġija. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza dwar il-kumpens ta’ żvantaġġi strutturali, u lanqas il-kriterju ta’ selettività tal-għajnuna mill-Istat.
It-tielet aggravju: fl-aħħar nett, l-appellanti tallega motivazzjoni insuffiċjenti tas-sentenza fir-rigward tal-pożizzjoni kemm tal-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni kif ukoll tal-fornituri tal-enerġija.