Kawża C-411/16 P: Appell ippreżentat fit-22 ta’ Lulju 2016 minn Holistic Innovation Institute, SLU mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fit-12 ta’ Mejju 2016 fil-Kawża T-468/14, Holistic Innovation Institute vs Il-Kummissjoni
C3642016MT1010120160722MT0005101112
Appell ippreżentat fit-22 ta’ Lulju 2016 minn Holistic Innovation Institute, SLU mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fit-12 ta’ Mejju 2016 fil-Kawża T-468/14, Holistic Innovation Institute vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-411/16 P)2016/C 364/05Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Appellanti: Holistic Innovation Institute, SLU (rappreżentant: J.J. Marín López, avukat)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tat-12 ta’ Mejju 2016, fil-Kawża T-468/14, Holistic Innovation Institute, SLU vs Il-Kummissjoni, sa fejn tiddikjara li r-rikors għal annulament kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ARES (2014) 710158, tat-13 ta’ Marzu 2014, li tirrifjuta l-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-proġett eDIGIREGION, ġie ppreżentat tardivament quddiem il-Qorti Ġenerali.
—
tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tingħata deċiżjoni fuq il-mertu tar-rikors għal annullament ippreżentat minn Holistic Innovation Institute, SLU kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ARES (2014) 710158, tat-13 ta’ Marzu 2014, li tirrifjuta l-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-proġett eDIGIREGION.
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tat-12 ta’ Mejju 2016, fil-Kawża T-468/14, Holistic Innovation Institute, SLU vs Il-Kummissjoni, sa fejn din tiċħad ir-rikors għad-danni, u minflok tiddikjara li l-Kummissjoni għandha tikkumpensa lill-appellanti fit-termini indikati fir-rikors promotur, jew, fil-każ li ż-żewġ talbiet preċedentement indikati jiġu milqugħa, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tingħata deċiżjoni ġdida dwar ir-rikors għad-danni ippreżentat mill-appellanti.
Aggravji u argumenti prinċipali
1.
Żball ta’ liġi minħabba li s-sentenza appellata tonqos milli tiddikjara li l-oriġinal tar-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, li wasal fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Ġunju 2014 (punt 29 tas-sentenza appellata), kien intbagħat fit-2 ta’ Ġunju 2014 minn Pozuelo de Alarcón (Madrid), fejn jinsab l-uffiċċju rreġistrat tal-appellant, permezz ta’ ittra rreġistrata bil-konferma tal-irċevuta.
2.
Żball ta’ liġi peress li, minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni, is-sentenza appellata, minn naħa, tiddikjara li l-oriġinal tar-rikors ma kellux il-firma bil-miktub tal-avukat, iżda kopja tal-imsemmija firma (punt 30), u, min-naħa l-oħra, tiċħad kull effettività legali tal-oriġinal tar-rikors iffirmat mill-avukat permezz ta’ ċertifikat diġitali (punt 35).
3.
Żball ta’ liġi minħabba li s-sentenza appellata, sa fejn qieset li r-rikors għal annullament tal-appellant ġie ppreżentat b’mod tardiv (punti 29, 34 u 5), tikser id-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva sanċit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, moqri fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, u tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-qasam tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1).
4.
Is-sentenza appellata wettqet żball ta’ liġi meta ċaħdet, fil-punti 55, 59, 63 u 64 tagħha (fir-rigward tad-danni ekonomiċi) u fil-punti 77 u 84 (fir-rigward tad-danni morali), ir-rikors għad-danni ippreżentat mill-appellanti.
Full & Egal Universal Law Academy