24.10.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 392/7
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Judicial da Comarca do Porto (il-Portugall) fis-27 ta’ Lulju 2016 – David Fernando Leal da Fonseca vs Varzim Sol – Turismo, Jogo e Animação, SA
(Kawża C-415/16)
(2016/C 392/09)
Lingwa tal-kawża: il-Portugiż
Qorti tar-rinviju
Tribunal Judicial da Comarca do Porto
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: David Fernando Leal da Fonseca
Konvenuta: Varzim Sol – Turismo, Jogo e Animação, SA
Domandi preliminari
1)
Fid-dawl tal-Artikoli 5 tad-Direttiva 93/104/KE (1) u tad-Direttiva 2003/88/KE (2), kif ukoll tal-Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fil-każ ta’ ħaddiema li ħadmu bix-shift u bi ġranet ta’ mistrieħ b’rotazzjoni, fi stabbiliment li jopera fil-ġranet kollha tal-ġimgħa iżda li ma joperax b’mod kontinwu matul 24 siegħa kuljum, il-ġurnata ta’ mistrieħ obbligatorja li għaliha l-ħaddiem għandu dritt għandha tiġi permessa neċessarjament f’kull perijodu ta’ seba’ ġranet, jiġifieri, mill-inqas fis-seba’ ġurnata sussegwenti għas-sitt ġranet ta’ xogħol konsekuttivi?
2)
L-interpretazzjoni li fir-rigward ta’ dawn il-ħaddiema l-persuna li timpjega għandha libertà li tagħżel il-ġranet fejn tagħti lill-ħaddiem, ta’ kull ġimgħa, il-mistrieħ li għalih dan għandu dritt, fejn jista’ jirriżulta li l-ħaddiem ikun obbligat, mingħajr remunerazzjoni għal xogħol supplimentari, li jaħdem sa għaxar ġranet konsekuttivi, hija konformi ma’ dawn id-direttivi?
3)
Interpretazzjoni fis-sens li l-perijodu ta’ 24 siegħa ta’ mistrieħ mingħajr interruzzjoni jista’ jseħħ fi kwalunkwe ġurnata kalendarja f’perijodu speċifiku ta’ seba’ ġranet kalendarji u l-perijodu ta’ 24 siegħa ta’ mistrieħ mingħajr interruzzjoni (li magħhom għandhom jingħaddu 11-il siegħa ta’ mistrieħ kuljum) sussegwenti jista’ jseħħ ukoll fi kwalunkwe ġurnata kalendarja tal-perijodu ta’ seba’ ġranet kalendarji immedjatament sussegwenti għal dak preċedenti, hija konformi ma’ dawn id-direttivi u dispożizzjonijiet?
(1) Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE, tat-23 ta’ Novembru 1993, dwar xi aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 197).
(2) Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).
Full & Egal Universal Law Academy