21.11.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 428/3
Appell ippreżentat fis-27 ta’ Lulju 2016 minn August Storck KG mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fl-10 ta’ Mejju 2016 fil-Kawża T-806/14 – August Storck KG vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea
(Kawża C-417/16 P)
(2016/C 428/04)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: August Storck KG (rappreżentanti: I. Rohr, P. Goldenbaum, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)
Talbiet
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-10 ta’ Mejju 2016, fil-Kawża T-806/14
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell fil-Każ R0644/2014-5; sussidjarjament tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali, jekk ikun neċessarju
—
tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż tiegħu stess kif ukoll għal dawk sostnuti mill-appellanti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali u l-Bord tal-Appell.
Aggravji u argumenti prinċipali
I.
L-ewwel aggravju: Ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (1) – Applikazzjoni ta’ kriterji żbaljati
1.
Il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat teħtieġ li sabiex it-trade mark tkun distintiva din “tkun differenti b’mod sinjifikattiv mill-istandards jew mill-użanzi fis-settur” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Hija tapplika t-test għal trade marks tridimensjonali li jikkonstu fl-apparenza tal-prodotti fihom infushom mingħajr element verbali jew grafiku, liema test huwa iktar strett mit-test għal trade marks normali. Dan it-test iktar strett ma kellux jiġi applikat għaliex it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija trade mark bidimensjonali li tinkludi element grafiku. L-applikazzjoni tat-test iktar strett tmur kontra ġurisprudenza stabbilita sew.
2.
Il-Qorti Ġenerali twettaq żball meta tibbaża l-konklużjoni tagħha fuq is-sentenza Storck vs UASI, C-25/05 P, EU:C:2006:422. Dak il-każ bl-ebda mod ma huwa komparabbli mal-kawża preżenti peress li kien jikkonċerna prodott (bl-imballaġġ) mingħajr ebda element grafiku u/jew verbali.
3.
L-applikazzjoni ta’ regoli iktar stretti minn dawk applikabbli għal trade marks verbali u trade marks figurattivi hija wkoll mhux iġġustifikata għaliex il-portata tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija iktar ristretta milli tkun il-portata ta’ reġistrazzjoni li tkopri l-element grafiku biss. Billi applikat ir-regoli iktar stretti, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, li jipprovdi li ma għandhomx jiġu rreġistrati (biss) it-trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv.
II.
It-tieni aggravju: Ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 – Nuqqas ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ speċjalità
4.
Il-Qorti Ġenerali kkwalifikat il-prodotti rilevanti, f’sens eċċessivament wiesa’, bħala prodotti rħas, ta’ konsum ta’ kuljum, li sabiex jinxtraw ma huwiex meħtieġ perijodu twil ta’ riflessjoni. Dan wassal għall-konklużjoni żbaljata tal-Qorti Ġenerali li l-pubbliku rilevanti jkollu livell ta’ attenzjoni baxx partikolarment fir-rigward tal-karatteristiċi tal-imballaġġ.
5.
Il-Qorti Ġenerali messha pjuttost analizzat, fir-rigward tal-prodotti speċifiċi stess (jiġifieri ħelu, ċikkulata, prodotti taċ-ċikkulata, ħlewwiet bl-għaġina u ġelati), liema livell ta’ attenzjoni japplikaw il-konsumaturi u xi rwol għandu l-imballaġġ speċifiku ħafna kif kopert mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Il-Qorti Ġenerali naqset milli tħares lejn is-sitwazzjoni verament tipika ta’ xiri fir-rigward ta’ dawk il-prodotti.
6.
Billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ispeċifiċitajiet tal-prodotti rilevanti l-Qorti Ġenerali ma applikatx il-prinċipju ta’ speċjalità. Li kieku l-Qorti Ġenerali għamlet dan b’mod korrett, hija kienet tieħu inkunsiderazzjoni li l-konsumaturi tal-prodotti rilevanti huma mdorrija jagħtu attenzjoni kbira lill-kuluri, lill-forma u lid-disinn tal-imballaġġ. Il-konsumaturi tal-prodotti rilevanti ma jkollhom ebda problema jidentifikaw is-sors tal-prodott fuq is-sempliċi bażi tal-kombinazzjoni tal-linji, tal-kuluri u tal-forom, kif koperta mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy