14.11.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 419/28
Appell ippreżentat fit-28 ta’ Lulju 2016 minn GmbH, li kienet GmbH mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fit-12 ta’ Mejju 2016 fil-Kawżi magħquda T-322/14 u T-325/14 – vs EUIPO – Rezon
(Kawża C-418/16)
(2016/C 419/37)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: GmbH, li kienet GmbH (rappreżentant: T. Lührig, avukat)
Parti oħra fil-proċedura:L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea, Rezon OOD
Talbiet
—
tannulla s-sentenza tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Mejju 2016 fil-Kawżi magħquda T-322/14 u T-325/14, u
—
tikkundanna lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
Is-sentenza appellata tikser l-Artikolu 57(2) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (1), moqri flimkien mar-Regoli 22(2) u 40(6) tar-Regolament (KE) Nru 2868/95 (2), għaliex tinterpreta l-kunċett stabbilit ta’ “prova ta’ użu” fir-rigward tal-Artikolu 57(2) tar-Regolament Nru 207/2009 b’mod differenti milli fir-rigward tar-Regoli 22(2) u 40(6) tar-Regolament Nru 2868/95, kontra l-prinċipji ta’ interpretazzjoni ta’ metodoloġija legali li huma ġeneralment aċċettati. L-interpretazzjoni differenti tal-istess terminoloġija fir-Regolament Nru 207/2009 u fir-Regolament Nru 2868/95 hija inkompatibbli mal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ ċarezza legali. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tinjora l-fatt li r-Regoli 22(2) u 40(6) tar-Regolament Nru 2868/95 jeskludu l-preżentazzjoni tardiva ta’ prova ta’ użu fi proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u l-EUIPO ma kellux diskrezzjoni f’dak ir-rigward. L-Artikolu 57(1) tar-Regolament Nru 207/2009 la huwa applikabbli u lanqas ma l-EUIPO għamel użu minnu, b’tali mod li d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell u tal-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi bbażata fuqu.
Is-sentenza appellata tikser ukoll l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 għaliex il-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi meta assumiet li l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 kien applikabbli, minkejja li r-Regoli 22(2) u 40(6) tar-Regolament Nru 2868/95 jipprekludu l-applikabbiltà tiegħu għal proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità minħabba l-interpretazzjoni sistematika tar-Regola 50(1)(3) tar-Regolament Nru 2868/95. Barra minn hekk, ir-rekwiżiti tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 ma ġewx issodisfatti għaliex l-intervenjenti fil-proċedimenti ma ressqet, fil-proċeduri kollha, l-ebda raġuni leġittima għall-preżentazzjoni tardiva tal-kontijiet eżistenti tagħha li hija kellha sa mill-bidu. Għaldaqstant il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009, għaliex l-istadju tal-proċedimenti milħuq u ċ-ċirkustanzi tal-każ kienu diġà eskludew it-teħid inkunsiderazzjoni tal-prova li kienet ġiet ippreżentata b’mod tardiv. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti għaliex esponiet b’mod inkorrett iċ-ċirkustanzi ta’ fatt, b’tali mod li ma ttrattat l-ebda prova “addizzjonali” jew “ta’ kjarifika” fir-rigward tal-fatturi sottomessi fl-istadju tal-appell.
Il-Qorti Ġenerali la eżaminat id-differenzi fonetiċi jew kunċettwali tas-sinjali effettivament użati u, b’mod ġenerali, lanqas ma eżaminat id-dehra globali tas-sinjali, iżda ħadet biss inkunsiderazzjoni l-elementi individwali, u għaldaqstant applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009.
Il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni provi manifestament irrilevanti, minkejja li ġew ippreżentati mingħajr data jew barra mill-perijodu rilevanti. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 57(2) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mar-Regola 22(3) u (4) tar-Regolament Nru 2868/95.
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li ma kienx meħtieġ li jiġu eżaminati r-regoli dwar l-abbuż ta’ dritt. Il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx l-oġġezzjoni ta’ dekadenza.
Fl-aħħar nett, is-sentenza appellata tikser l-Artikolu 64(1) tar-Regolament Nru 207/2009 għaliex il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Bord tal-Appell, bħala riżultat tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, annulla d-deċiżjoni tiegħu biss sa fejn kienet tirrigwarda servizzi li jikkonsistu f’“reklamar marbut ma’ vetturi”. Hija kellha tirreferi l-proċedura lura lid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u, fir-rigward tas-servizzi l-oħra mhux eżaminati, hija kellha tiddeċiedi definittivament rigward l-użu mhux ipprovat tagħhom. Hija kellha tiddikjara wkoll in-nuqqas ta’ prova ta’ użu b’tali mod li tkun kapaċi jkollha effett legali fiċ-ċaħda parzjali tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 78, p. 1).
(2) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189).
Full & Egal Universal Law Academy