26.9.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 350/18
Appell ippreżentat fl-1 ta’ Awwissu 2016 minn HX mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Ġunju 2016 fil-Kawża T-723/14 – HX vs Il-Kunsill
(Kawża C-423/16 P)
(2016/C 350/23)
Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru
Parties
Appellani: HX (rappreżentant: S. Koev)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
—
tiddikjara l-appell ineżami ammissibbli u fondat, u tikkonstata l-fondatezza tal-aggravji mressqa;
—
tiddikjara li l-att legali kkontestat jista’ jiġi annullat parzjalment;
—
tannulla l-parti tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-2 ta’ Ġunju 2016 fil-Kawża T-723/14, HX vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li fiha ġiet miċħuda t-talba ta’ Hashem Akkad;
—
tannula d-Deċiżjoni (PESK) 2015/837, tat-28 ta’ Mejju 2015, li temenda d-Deċiżjoni 2013/255 (ĠU L 132, p. 82), li permezz tagħha l-Kunsill estenda l-validità tad-Deċiżjoni 2013/2055 sal-1 ta’ Ġunju 2016, sa fejn tikkonċerna lil Hashem Akkad;
—
tordna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jħallas l-ispejjeż, l-ispejjeż legali u t-tariffi etc kollha sostnuti mill-appellant inkonnessjoni mar-rappreżentazzjoni legali tiegħu.
Aggravji u argumenti prinċipali
1.
Żball fl-applikazzjoni tal-liġi, li jirriżulta fi ksur tad-dritt tal-Unjoni: peress li d-deċiżjoni, li fir-rigward tagħha t-talba ġiet miċħuda, ma kinitx innotifikata personalment lill-appellant, minkejja li l-Kunsill kien jaf l-indirizz tiegħu, għandu jiġi aċċettat li l-adattament tat-talbiet inkonnessjoni ma’ dawn l-atti legali huwa ammissibbli u sar fit-terminu previst.
2.
Żball fl-applikazzjoni tal-liġi, li jirriżulta fi ksur tar-regoli proċedurali li jippreġudika l-interessi tal-appellant b’dawn il-modi:
—
L-assenza ta’ talba bil-miktub separata ma tiksirx id-drittijiet tal-parti opposta u lanqas ma tagħmel il-ħidma tal-Qorti Ġenerali iktar diffiċli.
—
Il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-lingwa tal-kawża, peress li l-verżjoni bil-lingwa Bulgara tar-Regoli tal-Proċedura ma teħtieġx neċessarjament dokument separat.
—
Ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju stabbilit fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, peress li l-Qorti Ġenerali ma tatx lill-appellant l-opportunità li jieħu konoxxenza tad-deċiżjoni tal-Kunsill stess jew tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra tar-Regoli tal-Proċedura, b’tali mod li jkun f’pożizzjoni li jipprepara t-talba tieħu konformement mal-għarfien lingwistiku u mal-aspettattivi tal-Qorti Ġenerali.
—
Il-Qorti Ġenerali naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 86(4) tar-Regoli tal-Proċedura, li jeħtieġu li tingħata l-possibbiltà, u fejn ikun meħtieġ terminu addizzjonali, li tiġi ppreżentata kopja tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/837, tat-28 ta’ Mejju 2015, li tiġġustifika l-adattament tat-talbiet.
—
Il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura billi naqset milli teżamina kompletament iċ-ċirksutanzi tal-każ fir-rapport preliminari tagħha.