24.10.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 392/12
Appell ippreżentat fl-4 ta’ Awwissu 2016 mill-Kummisjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fis-26 ta’ Mejju 2016 fil-Kawża magħquda T-479/11 u T-157/12
(Kawża C-438/16 P)
(2016/C 392/15)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: B. Stromsky u D. Grespan, aġenti)
Partijiet oħra fil-proċedura: Ir-Repubblika Franċiża, IFP Énergies nouvelles
Talbiet
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-26 ta’ Mejju 2015 fil-Kawżi magħquda T-479/11 u T-157/12, Ir-Repubblika Franċiża u IFP Énergies nouvelles vs Il-Kummissjoni Ewropea;
—
tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal eżami ġdid tirriżerva l-ispejjeż tal-istanza.
Aggravji u argumenti prinċipali
Il-Kummissjoni tqajjem tliet aggravji insostenn tal-appell tagħha, li, kollha kemm huma, jirrigwardaw ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE u, b’mod iktar partikolari, żbalji ta’ liġi li jirrigwardaw il-mod li bih tiġi pprovata l-eżistenza ta’ vantaġġ li jirriżulta għal impriża minn garanzija impliċita illimitata li tirriżulta mill-istatus tagħha.
Permezz tal-ewwel aggravju, il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ interpretazzjoni f’dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ skema ta’ għajnuna u billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kapaċità ta’ miżura li tagħti vantaġġ, li twassal għal żball ta’ liġi dwar in-natura tal-prova li għandha tiġi prodotta mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ vantaġġ li jirriżulta, għal impriża, mill-istatus tagħha ta’ EPIC.
It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali f’dak li jirrigwarda l-portata tal-preżunzjoni sempliċi tal-eżistenza ta’ vantaġġ li jirriżulta minn garanzija impliċita illimitata u l-mod kif tiġi kkonfutata.
It-tielet aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali f’dak li jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni tal-preżunzjoni ta’ vantaġġ li jirriżulta minn garanzija illimitata: din il-preżunzjoni għandha loġikament tapplika wkoll għar-relazzjonijiet tal-impriża li lilha tingħata l-garanzija mal-fornituri u mal-klijenti tagħha.
Full & Egal Universal Law Academy