7.11.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 410/7
Appell ippreżentat fid-9 ta’ Awwissu 2016 minn Kohrener Landmolkerei GmbH u DHG Deutsche Heumilchgesellschaft mbH mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fit-8 ta’ Ġunju 2016 fil-Kawża T-178/15, Kohrener Landmolkerei u DHG vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-446/16 P)
(2016/C 410/07)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: Kohrener Landmolkerei GmbH, DHG Deutsche Heumilchgesellschaft mbH (rappreżentant: A. Wagner, avukat)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ġunju 2016 u tikkundanna lill-appellata għall-ispejjeż;
—
tiddikjara ammissibbli l-oppożizzjoni fformulata mill-appellanti fit-23 ta’ Diċembru 2014 fil-proċedura AT-TSG-0007-01035.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti jaffermaw li, fid-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali qieset li l-argumenti magħmula minnhom kienu jirreferu biss għat-trażmissjoni tardiva mill-awtorità nazzjonali. Huma jsostnu wkoll li ġew ippreġudikati mid-dispożizzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 51(1) tar-Regolament Nru 1151/2012 (1) u li din ir-regola hija illegali sa fejn ma tistabbilixxix f’liema terminu l-awtorità nazzjonali kellha tibgħat lill-Kummissjoni Ewropea l-oppożizzjoni fformulata mill-appellanti. F’dan ir-rigward, huma indikaw l-eżistenza ta’ difett fl-imsemmija dispożizzjoni li twassal sabiex l-appellanti, fl-agħar każ, bl-ebda mod ma jistgħu jippreżentaw l-oppożizzjoni tagħhom. Huma jsostnu li l-Qorti Ġenerali ma ddikjaratx ruħha f’dan ir-rigward.
Huma jsostnu li fid-digriet appellat il-Qorti Ġenerali sempliċement iddikjarat li l-appellanti ma kinux invokaw suffiċjentement l-illegalità tal-imsemmija dispożizzjoni. Minkejja dan, huma jsostnu li fir-rikors promotur kienu diġà semmew il-problema tad-determinazzjoni mhux korretta tat-terminu fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 51(1) tar-Regolament Nru 1151/2012. Dan ifisser, fil-fehma tagħhom, sempliċement li saru oġġezzjonijiet kontra r-regola li tinsab fl-imsemmija dispożizzjoni u li huma kienu jqisu li d-drittijiet tagħhom inkwantu appellanti ma ġewx irrispettati suffiċjentement.
(1) Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Novembru 2012, dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 343, p. 1).