24.10.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 392/17
Appell ippreżentat fit-12 ta’ Awwissu 2016 minn Trenzas y Cables de Acero PSC, S.L. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fit-2 ta’ Ġunju 2016 fil-Kawżi magħquda T-426/10 sa T-429/16 u T-438/12 sa T-441/12, Moreda-Riviere Trefilerias et vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-459/16 P)
(2016/C 392/21)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Appellanti: Trenzas y Cables de Acero PSC, S.L. (rappreżentanti: F. González Díaz, A. Tresandi Blanco, V. Romero Algarra, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Ġunju 2016 fil-Kawżi magħquda T-426/10 sa T-429/10, u b’mod partikolari, fil-Kawża T-428/10, Trefilerías y Cables de Acero PSC vs Il-Kummissjoni;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kemm ta’ dawn il-proċeduri kif ukoll ta’ dawk quddiem il-Qorti Ġenerali.
Aggravji u argumenti prinċipali
1.
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, peress li applikat kriterju ġuridiku żbaljat meta ddeċidiet li Tycsa PSC kienet tifforma unità ekonomika ma’ MRT, peress li Trenzas y Cables, l-impriża li kienet tikkontrolla 100 % lil Tycsa PSC, kienet sparixxiet u li MRT ma kinitx is-suċċessura ta’ Trenzas y Cables.
2.
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-kriterju ġuridiku xieraq u s-sentenza tagħha hija vvizzjata bi żball ta’ motivazzjoni sa fejn hija ma tispjegax għaliex id-dikjarazzjonijiet ġuramentati tad-diretturi ġenerali ta’ Tycsa PST ma humiex sostnuti, bħala indizju ġuridikament rilevanti għall-eżistenza ta’ unità ekonomika waħda.
3.
Il-Qorti Ġenerali kklassifikat b’mod żbaljat il-fatti, jiġifieri l-impressjonijiet tal-kompetituri, meta qieset li dawn l-impressjonijiet jikkostitwixxi indizju addizzjonali, u għalhekk ġuridikament rilevanti, fil-kuntest tal-ipprovar tal-eżistenza ta’ unità ekonomika komposta minn Tycsa PSC, GSW u l-impriżi miżmuma minn din tal-aħħar.
4.
Il-Qorti Ġenerali kklassifikat b’mod żbaljat il-fatti, jiġifieri s-sovrappożizzjonijiet tal-persunal bejn Tycsa PSC, GSW u l-impriżi miżmuma minn din tal-aħħar, meta qieset li dawn is-sovrappożizzjonijiet jikkostitwixxu indizju addizzjonali, u għalhekk ġuridikament rilevanti, fil-kuntest tal-ipprovar li dawn l-impriżi jiffurmaw unità ekonomika.
5.
Il-Qorti Ġenerali ikklassifika b’mod żbaljat il-fatti, jiġifieri l-laqgħa miżmuma bejn Trenzas y Cables u kompetitur, meta qieset din il-laqgħa bħala indizju addizzjonali sabiex jintwera li Tycsa PSC tifforma parti minn unità ekonomika li għandha lil GSW bħala kumpannija omm.
6.
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-provi, u f’kull każ, naqset milli tosserva l-obbligi tagħha fil-qasam tal-istħarriġ ġudizzjarju meta ċaħdet l-argument espost mill-appellanti li jgħid li hija ma kinitx tifforma parti minn unità ekonomika komposta minn Trenzas y Cables u GSW, mingħajr biss ma eżaminat il-provi produtti sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju ta’ influwenza determinanti.
7.
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, peress li din kisret id-drittijiet tad-difiża meta qieset li, sa fejn il-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha tal-kapaċità kontributtiva tal-appellanti fuq fatti prodotti u magħrufa minn din tal-aħħar, il-Kummissjoni kienet irrispettat id-dritt għal smigħ tal-appellanti.
8.
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-provi, u f’kull każ, ma eżerċitatx skont id-dritt il-ġurisdizzjoni tagħha fil-qasam tal-istħarriġ ġudizzjarju. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi li jikkonsisti fi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u, fl-aħħar nett, wettqet żball ta’ liġi li jikkonsisti fl-iżnaturament tal-fatti u tal-provi fir-rigward tal-possibbiltà li l-appellanti tikseb finanzjament estern.
9.
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-provi, u f’kull każ, kisret l-obbilgu tagħha li twettaq stħarriġ b’ġurisdizzjoni sħiħa, meta qieset li l-appellanti ma kinitx tat lill-Kummissjoni l-informazzjoni neċessarja sabiex tevalwa d-daqs tal-assi netti tal-azzjonisti tagħha. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn ma spjegatx ir-raġunijiet li għalihom ir-rapporti ta’ Deloitte invokati minn Tycsa PSC ma għandhomx valur probatorju.
Full & Egal Universal Law Academy