24.10.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 392/19
Appell ippreżentat fit-12 ta’ Awwissu 2016 minn Moreda-Riviere Trefilerías, S.A. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fit-2 ta’ Ġunju 2016 fil-Kawżi magħquda T-426/10 sa T-429/16 u T-438/12 sa T-441/12, Moreda-Riviere Trefilerías et vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-461/16 P)
(2016/C 392/23)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Appellanti: Moreda-Riviere Trefilerías, S.A. (rappreżentanti: F. González Díaz, A. Tresandi Blanco, V. Romero Algarra, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Ġunju 2016 fil-Kawżi magħquda T-426/10, u b’mod partikolari, fil-Kawża T-426/10, Moreda-Riviere Trefilerías vs Il-Kummissjoni Ewropea
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kemm ta’ dawn il-proċeduri kif ukoll ta’ dawk quddiem il-Qorti Ġenerali.
Aggravji u argumenti prinċipali
Fuq il-kwalità ta’ suċċessura ta’ MRT:
1.
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta applikat kriterju ġuridiku żbaljat fil-kuntest tal-evalwazzjoni tas-suċċessjoni ta’ impriżi, u b’mod partikolari, is-suċċessjoni ta’ MRT fir-rigward ta’ Trenzas y Cables.
2.
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti meta kkonstatat li MRT hija responsabbli għall-aġir ta’ Trenzas y Cables inkwantu suċċessura preżunta ta’ Trenzas y Cables matul il-perijodu ta’ bejn l-10 ta’ Ġunju 1993 u d-19 ta’ Ottubru 1996.
3.
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi li jikkonsisti f’nuqqas ta’ motivazzjoni, meta ċaħdet l-allegazzjonijiet invokati mill-appellanti fir-rigward tal-imputazzjoni doppja.
Fuq l-elementi addizzjonali
4.
Il-Qorti Ġenerali, minbarra li wettqet żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-kriterju ġuridiku xieraq, wettqet ukoll nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn ma spjegatx ir-raġunijiet li għalihom id-dikjarazzjonijiet ġuramentati tad-Diretturi Ġenerali ta’ Trenzas y Cables, invokati minn MRT, kienu infondati.
5.
Il-Qorti Ġenerali kklassifikat b’mod żbaljat il-fatti, jiġifieri l-impressjonijiet tal-kompetituri, meta qieset li dawn l-impressjonijiet jikkostitwixxu indizju addizzjonali, u għalhekk ġuridikament rilevanti, fil-kuntest tal-ipprovar tal-eżistenza ta’ unità ekonomika komposta minn Trenzas y Cables, GSW u l-impriżi miżmuma minn din tal-aħħar. Barra minn hekk il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi li jikkonsisti fl-iżnaturament tal-fatti u tal-provi fir-rigward tal-perċezzjoni tal-kompetituri.
6.
Il-Qorti Ġenerali kklassifikat b’mod żbaljat il-fatti, jiġifieri s-sovrappożizzjonijiet tal-persunal bejn Trenzas y Cables, GSW u l-impriżi miżmuma minn din tal-aħħar, meta qieset li dawn is-sovrappożizzjonijiet jikkostitwixxu indizju addizzjonali, u għalhekk ġuridikament rilevanti, fil-kuntest tal-ipprovar li l-impriżi miżmuma minn GSW ma humiex awtonomi fir-rigward tal-kumpannija omm.
7.
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-klassifikazzjoni ta’ ċerti fatti, jiġifieri l-laqgħa miżmuma bejn Trenzas y Cables u kompetitur, meta qieset din il-laqgħa bħala indizju addizzjonali sabiex jintwera li Trenzas y Cables, li tagħha MRT hija s-suċċessura, quod non, tifforma parti minn unità ekonomika li kellha lil GSW bħala kumpannija omm.
Fuq l-elementi prodotti sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni
8.
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-provi, u f’kull każ, naqset milli tosserva l-obbligi tagħha fil-qasam tal-istħarriġ ġudizzjarju meta ċaħdet l-argument espost mill-appellanti li jgħid li hija ma kinitx tifforma parti minn unità ekonomika komposta minn Trenzas y Cables, GSW u l-impriżi miżmuma minn din tal-aħħar, mingħajr biss ma eżaminat il-provi produtti sabiex tiġi kkonfutata l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju ta’ influwenza determinanti.
9.
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi li jikkonsisti fi ksur tad-drittijiet meta qieset li, sa fejn il-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni tagħha tal-kapaċità kontributtiva tal-appellanti fuq fatti prodotti u magħrufa minn din tal-aħħar, il-Kummissjoni kienet irrispettat id-dritt għal smigħ tal-appellanti.
10.
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-provi, u f’kull każ, ma eżerċitatx skont id-dritt il-ġurisdizzjoni tagħha fil-qasam tal-istħarriġ ġudizzjarju. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi li jikkonsisti fi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Fl-aħħar nett, u f’kull każ, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi li jikkonsisti fl-iżnaturament tal-fatti u tal-provi fir-rigward tal-possibbiltà li l-appellanti tikseb finanzjament estern.
11.
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-provi, u f’kull każ, kisret l-obbilgu tagħha li twettaq stħarriġ b’ġurisdizzjoni sħiħa, meta qieset li l-appellanti ma kinitx tat lill-Kummissjoni l-informazzjoni neċessarja sabiex tevalwa d-daqs tal-assi netti tal-azzjonisti tagħha. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn ma spjegatx ir-raġunijiet li għalihom ir-rapporti ta’ Deloitte invokati mill-appellanti ma jipprovdu ebda bidu ta’ prova.
Full & Egal Universal Law Academy