13.3.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 78/7
Appell ippreżentat fit-2 ta’ Settembru 2016 mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Ġunju 2016 fil-Kawża T-567/14, GROUP vs EUIPO – ILIEV (GROUP COMPANY TOURISM & TRAVEL)
(Kawża C-478/16)
(2017/C 078/10)
Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru
Partijiet
Appellant: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) (rappreżentanti: A. Folliard-Monguiral, D. Stoyanova-Valchanova)
Partijiet oħra fil-proċedura:“Group” OOD, Kosta Iliev
Talbiet
—
tannulla s-sentenza appellata;
—
tikkundanna lil Group OOD, ir-rikorrenti fl-ewwel istanza, għall-ispejjeż tal-EUIPO.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appell huwa bbażat fuq żewġ aggravji, jiġifieri: (i) ksur tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 (1), ikkunsidrat flimkien mar-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95 (2), u (ii) ksur tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, ikkunsidrat flimkien mar-Regola 19(2)(d) tar-Regolament Nru 2868/95.
Ksur tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009, ikkunsidrat flimkien mar-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95
—
L-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009 jistabbilixxi espliċitament erba’ kundizzjonijiet kumulattivi u indipendenti minn xulxin, li tnejn minnhom huma rregolati mid-dritt tal-Unjoni filwaqt li t-tnejn l-oħra huma rregolati mil-leġiżlazzjoni speċifika li għaliha tirreferi l-parti li tippreżenta oġġezzjoni. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, fir-rigward ta’ jekk humiex issodisfatti ż-żewġ kundizzjonijiet marbuta mal-leġiżlazzjoni speċifika, hija l-parti li tippreżenta oġġezzjoni li għandha tipproduċi l-prova tal-kontenut ta’ din il-leġiżlazzjoni. Din hija kundizzjoni preliminari u awtonoma li n-nuqqas ta’ konformità magħha ma jistax jiġi rrimedjat quddiem il-Bord tal-Appell jekk il-parti li tippreżenta oġġezzjoni ma tkunx ipproduċiet fil-ħin, quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, provi dwar il-kontenut ta’ din il-leġiżlazzjoni.
—
Sabiex jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009, ikkunsidrat flimkien mar-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95, fatti u provi li jkunu ġew ippreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Bord tal-Appell għandhom ikunu addizzjonali jew komplimentari għal fatti u provi li jkunu diġà ġew ippreżentati inkonnessjoni mal-istess kundizzjoni.
—
Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset li, bħala regola ġenerali, il-preżentazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni nazzjonali tikkomplimenta l-provi prodotti preċedentement inkonnessjoni ma’ xi waħda mill-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009.
—
Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta naqset milli teżamina jekk kienx hemm konnessjoni suffiċjentement mill-qrib bejn l-informazzjoni dwar id-dritt nazzjonali, ippreżentata quddiem il-Bord tal-Appell, u l-provi li kienu ġew prodotti fil-ħin quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Jekk ma jkunx hemm tali konnessjoni, il-provi jkunu “ġodda”, u mhux “addizzjonali jew komplimentari”, kif huwa meħtieġ skont l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009.
Ksur tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 207/2009, ikkunsidrat flimkien mar-Regola 19(2)(d) tar-Regolament Nru 2868/95
—
Meta ddikjarat li ma hemmx rekwiżiti formali fir-rigward tal-prova tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali kisret ir-Regola 19(2)(d) tar-Regolament Nru 2868/95. L-osservanza tal-formalitajiet magħrufa hija meħtieġa sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża tal-konvenut fi proċeduri inter partes.
—
Fir-rigward tal-“parallelliżmu formali”, ir-rekwiżiti dwar il-prova tar-reġistrazzjoni ta’ trade mark [Regola 19(2)(a)(ii) tar-Regolament Nru 2868/95] għandhom jiġu applikati b’analoġija fir-rigward tal-prova tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li jagħtu effett legali lit-trade mark mhux irreġistrata.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1).
(2) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, dwar regoli għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 291).