17.10.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 383/9
Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Settembru 2016 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika
(Kawża C-481/16)
(2016/C 383/12)
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Bouchagiar u B. Stromsky, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika Ellenika
Talbiet
—
tikkonstata li r-Repubblika Ellenika, billi ma adottatx fit-termini previsti l-miżuri kollha neċessarji għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-27 ta’ Marzu 2014, dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.34572 (13/C) (ex 13/NN) implimentata mill-Ġreċja għal Larco General Mining & Metallurgical Company S.A. jew, f’kull każ, billi ma informatx b’mod xieraq lill-Kummissjoni bil-miżuri adottati fis-sens tal-Artikolu 5 tad-deċiżjoni, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 3, 4 u 5 tal-imsemmija deċiżjoni u tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
—
tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
1.
Skont id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tas-27 ta’ Marzu 2014 (proċedura SA.34572), ir-Repubblika Ellenika kellha tiġbor lura fi żmien erba’ xhur l-għajnuna inkompatibbli li hija kienet tat lill-kumpannija Larco, u tinforma b’mod xieraq lill-Kummissjoni Ewropea bil-miżuri neċessarji għal dan il-għan. L-għajnuna inkwistjoni kienet tikkonsisti minn garanziji mill-Istat mogħtija lill-kumpannija Larco fl-2008, fl-2010 u fl-2011 u mill-parteċipazzjoni tal-Istat għaż-żieda fil-kapital tal-kumpannija fl-2009.
2.
Madankollu, ir-Repubblika Ellenika ma ġabritx lura l-għajnuna inkwistjoni fi żmien erba’ xhur, kif hija kellha l-obbligu li tagħmel. Barra minn hekk, ir-Repubblika Ellenika baqgħet ma adottatx il-miżuri neċessarji għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni. F’kull każ, ir-Repubblika Ellenika ma informatx b’mod xieraq lill-Kummissjoni Ewropea bil-miżuri dwar l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni.