28.11.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 441/9
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de Primera Instancia de Alicante (Spanja) fit-12 ta’ Settembru 2016 – Bankia S.A. vs Alfredo Sánchez Martínez u Sandra Sánchez Triviño
(Kawża C-486/16)
(2016/C 441/12)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Qorti tar-rinviju
Juzgado de Primera Instancia de Alicante
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Bankia S.A.
Konvenuti: Alfredo Sánchez Martínez u Sandra Sánchez Triviño
Domandi preliminari
1)
Huwa kuntrarju għall-Artikoli 4(1) u 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993 (1), dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumaturi, li jittieħdu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-deċiżjoni dwar in-natura inġusta jew le ta’ klawżola ta’ terminazzjoni antiċipata bħal dik li tinsab fil-kuntratt kontenzjuż, konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, mhux biss iċ-ċirkustanzi eżistenti fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, iżda wkoll il-gravità tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal-konsumatur li seħħ wara l-konklużjoni tiegħu?
2)
Huwa kuntrarju għall-prinċipju ta’ effettività stabbilit fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13/KEE dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumaturi li tiġi ordnata l-eżekuzzjoni abbażi ta’ klawżola ta’ terminazzjoni antiċipata li n-natura inġusta tagħha ġiet ikkonstatata f’sentenza definittiva mogħtija fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ eżekuzzjoni ipotekarja preċedenti bejn l-istess partijiet u bbażata fuq l-istess kuntratt ta’ self ipotekarju, minkejja li l-ordinament ġuridiku intern ma jirrikonoxxix l-effetti pożittivi tal-awtorità ta’ res judicata lil din is-sentenza preliminari, minkejja li hija tipprevedi l-impossibbiltà li jinfetħu proċeduri ġodda ta’ eżekuzzjoni bbażati fuq l-istess titolu eżekuttiv?
3)
Fil-każ ta’ proċeduri ta’ eżekuzzjoni ipotekarja fejn il-qorti tal-ewwel istanza rrifjutat li tordna l-eżekuzzjoni peress li hija kienet ibbażata fuq klawżola ta’ terminazzjoni antiċipata li kienet tqieset bħala inġusta fi proċeduri ta’ eżekuzzjoni ipotekarja preċedenti bbażati fuq l-istess titolu eżekuttiv u bejn l-istess partijiet u li fihom il-qorti tal-appell annullat ir-rifjut ta’ ordni ta’ eżekuzzjoni u bagħtet il-kawża lura sabiex l-eżekuzzjoni tiġi ordnata fl-ewwel istanza, huwa kuntrarju għall-prinċipju ta’ effettività previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13/KEE dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumaturi, li l-qorti tal-ewwel istanza tkun marbuta bid-deċiżjoni tal-qorti tal-appell, jew id-dritt intern għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti tal-ewwel istanza ma hijiex marbuta bid-deċiżjoni tal-qorti tat-tieni istanza peress li diġà hemm sentenza preċedenti definittiva li tiddikjara nulla l-klawżola ta’ terminazzjoni antiċipata li fuqha hija bbażata l-eżekuzzjoni, fejn għalhekk il-qorti tal-ewwel istanza ikollha mill-ġdid tiddikjara inammissibbli t-talba għal eżekuzzjoni?
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288.