21.11.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 428/12
Appell ippreżentat fil-11 ta’ Settembru 2016 minn Telefónica S.A. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fit-28 ta’ Ġunju 2016 fil-Kawża T-216/13, Telefónica vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-487/16 P)
(2016/C 428/13)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Appellanti: Telefónica S.A. (rappreżentanti: J. Folguera Crespo u P. Vidal Martínez, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla s-sentenza, u magħha d-Deċiżjoni (1), għar-raġunijiet esposti fit-tieni aggravju filwaqt li tiddikjara li ma kinitx teżisti restrizzjoni minħabba l-għan fl-aġir ta’ Telefónica.
—
sussidjarjament, tannulla s-sentenza għar-raġunijiet esposti fl-ewwel aggravju filwaqt li tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tisma’ x-xhieda miċħuda u tiddeċiedi fuq il-mertu tar-rikors għal annullament ta’ Telefónica quddiem il-Qorti Ġenerali fid-dawl tax-xhieda mismugħa.
—
Iktar sussidjarjament u għall-motivi esposti fit-tielet aggravju,
—
tannulla l-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza;
—
tiddikjara li l-aġir ta’ Telefónica ma kienx daqstant gravi u li jeżistu ċ-ċirkustanzi attenwanti indikati fit-tielet aggravju ta’ dan l-appell; u
—
tiddetermina l-perċentwali ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa bħala konsegwenza ta’ din il-gravità inferjuri u taċ-ċirkustanzi attenwanti indikati, b’mod konformi ma’ dak li huwa espost fl-imsemmi aggravju.
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti minn Telefónica kemm fil-proċeduri tal-ewwel istanza kif ukoll f’dawn il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
—
taċċetta t-tul ta’ dan l-appell, ftit itwal minn dak li huwa rrakkomandat fl-Istruzzjonijiet prattiċi tal-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-impatt ekonomiku tal-kawża fuq l-appellanti kif ukoll f’dak tal-kumplessità tal-argumenti esposti.
Aggravji u argumenti prinċipali
1.
Ksur tal-Artikoli 47 u 48(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 68 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali minħabba li t-talba għall-eżami tax-xhieda ġiet miċħuda. Iċ-ċaħda tal-Qorti Ġenerali tax-xhieda mitluba poġġiet lil Telefónica f’sitwazzjoni fejn ma setgħetx tiddefendi ruħha, minħabba li ċaħħditha minn mezz ta’ prova essenzjali u determinanti għall-għarfien korrett tal-kawża. L-approċċ tal-Qorti Ġenerali jistħoqqlu erba’ oġġezzjonijiet fundamentali: (i) l-oġġezzjoni tal-kontradizzjoni teleoloġika; (ii) l-oġġezzjoni tal-isproporzjonalità fl-oneru tal-prova; (iii) l-oġġezzjoni tal-antiċipazzjoni tar-riżultat tax-xhieda; u (iv) l-oġġezzjoni tal-iżbilanċ fl-evalwazzjoni.
2.
Ksur tal-Artikolu 101 TFUE minħabba applikazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza dwar ir-restrizzjonijiet minħabba l-għan u tal-prinċipji ta’ motivazzjoni u ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza.
Sussidjarjament:
3.
Żball fl-evalwazzjoni tal-gravità inferjuri tal-ksur u fl-eżistenza ta’ ċirkustanzi attenwanti fl-aġir ta’ Telefónica. Telefónica tqis li fl-evalwazzjoni tagħha l-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni fatturi addizzjonali li juru gravità inferjuri tal-aġir u li kienu jagħtu lok għal tnaqqis addizzjonali tal-multa, lil hinn minn dak diġà applikat mill-Kummissjoni.
(1) Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2013) 306 finali, tat-23 ta’ Jannar 2013, dwar proċediment skont l-Artikolu 101 TFUE (Każ COMP/39.839 – Telefónica vs Portugal Telecom)
Full & Egal Universal Law Academy