9.1.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 6/24
Appell ippreżentat fit-13 ta’ Settembru 2016 minn Bundesverband Souvenir – Geschenke – Ehrenpreise e.V. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fil-5 ta’ Lulju 2016 fil-Kawża T-167/15 – Bundesverbandes Souvenir – Geschenke – Ehrenpreise e.V. vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea
(Kawża C-488/16 P)
(2017/C 006/32)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: Bundesverband Souvenir – Geschenke – Ehrenpreise e.V. (rappreżentant: B. Bittner, avukat)
Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea, Freistaat Bayern
Talbiet
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali mogħtija fil-5 ta’ Lulju 2016 fil-Kawża T-167/15;
—
tannulla t-trade mark tal-Unjoni Ewropea Nru 010144392 “Neuschwanstein”;
—
tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
Skont l-appellanti, is-sentenza appellata ngħatat bi ksur tal-Artikolu 7(1)(c), tal-Artikolu 7(1)(b), u tal-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (1), għar-raġunijiet li ġejjin:
1.
Il-Qorti Ġenerali injorat li l-isem “Neuschwanstein” huwa indikazzjoni ta’ oriġini ġeografika. Hija ddikjarat fil-punt 27 tas-sentenza li – li huwa minnu nnifsu kontradittorju –, minkejja li l-kastell ta’ Neuschwanstein “ġeografikament jista’ jiġi llokalizzat”, madankollu dan ma jistax jitqies bħala “post ġeografiku”, għaliex dan il-post kellu bħala funzjoni ewlenija l-konservazzjoni tal-patrimonju u mhux il-manifattura jew il-kummerċjalizzazzjoni ta’ suveniers jew ta’ servizzi. Il-“funzjoni ewlenija” ta’ post ġeografiku hija irrilevanti għall-finijiet tar-raġuni assoluta għal rifjut ibbażata fuq l-indikazzjoni tal-oriġini. Il-kastell ta’ Neuschwanstein jista’ b’mod ċar u definittiv jiġi llokalizzat u, bil-kontra tal-analiżi tal-Qorti Ġenerali, huwa differenti minn mużew komuni, li huwa ddeterminat mill-biċċiet eżibiti hemmhekk, li – b’mod differenti mill-kastell ta’ Neuschwanstein – jistgħu jitqiegħdu f’post ieħor.
Il-pubbliku rilevanti ma jagħmilx il-qari analitiku tal-isem, bħala li jfisser “il-ġebla l-ġdida taċ-ċinju”, li sar fis-sentenza appellata, iżda jassoċja dan l-isem ta’ fantażija biss mal-kastell magħruf mad-dinja kollha. Is-sentenza appellata lanqas ma tosserva, għaldaqstant, il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Windsurfing Chiemsee (2), għaliex il-pubbliku rilevanti jistabbilixxi rabta bejn il-prodotti li għandhom is-sinjal “Neuschwanstein” u l-kastell ta’ Neuschwanstein inkwantu ċentru turistiku ta’ reputazzjoni dinjija. Dan il-post għaldaqstant bla dubju huwa tali li jinfluwenza l-preferenzi tal-konsumaturi minħabba l-immaġni pożittiva li huwa jqajjem. Għaldaqstant, is-sinjal, peress li huwa sinjal ġeografiku, ma jistax jiġi protett. Huwa fl-interess ġenerali li l-ismijiet ta’ siti turistiċi b’reputazzjoni jibqgħu ħielsa minn kwalunkwe monopolizzazzjoni, permezz ta’ trade mark, mill-inqas għas-suveniers tipiċi, li jiġu ddistribwiti u mixtrija sabiex wieħed jiftakar fis-sit ikkonċernat. Il-Qorti Ġenerali ma wettqet l-ebda analiżi tal-prodotti u tas-servizzi koperti fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni sabiex tivverifika jekk humiex xierqa sabiex iservu bħala suveniers. Madankollu dan kellu jsir, b’mod partikolari minħabba li t-trade mark inkwistjoni ġiet mitluba għal intestaturi li jkopru wkoll suveniers tipiċi. Il-fatt li, f’dan il-każ, l-applikazzjoni għat-trade mark ġiet ippreżentata mill-Freistaat Bayern ma jibdilx dawn il-prinċipji, kif il-Qorti Ġenerali enfasizzat fis-sentenza tagħha MEM vs UASI (MONACO) (3), peress li applikazzjoni għal reġistrazzjoni ppreżentata minn Stat hija rregolata bl-istess prinċipji bħal applikazzjoni ppreżentata minn operatur ieħor.
2.
Bil-kontra tal-kundizzjonijiet li waslet għalihom il-ġurisprudenza preċedenti, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fir-rigward tar-raġuni assoluta għal rifjut ibbażata fuq l-assenza ta’ karattur distintiv previst fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, li l-pubbliku rilevanti jagħraf li l-prodotti kollha li t-trade mark tindika kienu ġew immanifatturati, ikkummerċjalizzati jew ipprovduti taħt il-kontroll ta’ Freistaat Bayern (f’dan is-sens, il-punt 43 tas-sentenza appellata). Madankollu, ix-xerrejja ta’ prodotti li huma tradizzjonalment offruti għall-bejgħ qrib sit turistiku u li fuqhom twaħħal l-isem ta’ dan tal-aħħar, ma jifhmux dan l-isem bħala riferiment għall-proprjetarju tas-sit u ma jistennewx li dawn il-prodotti jkunu mmanifatturati jew ikkummerċjalizzati minnu. Il-marka “Neuschwanstein” isservi biss sabiex jiftakru fiż-żjara tagħhom tas-sit turisitiku u l-post ta’ distribuzzjoni. Il-pubbliku rilevanti ma jinteressahx min huwa l-manifattur.
3.
Għandu jitqies li l-applikant għat-trade mark Neuschwanstein kellu mala fide fis-sens tal-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009, peress li l-pubbliku rilevanti u – dan huwa stabbilit – l-applikant kienu jafu sa mill-preżentata tal-applikazzjoni għat-trade mark tal-Unjoni Ewropea inkwistjoni li prodotti diversi kienu offruti għall-bejgħ viċin ħafna l-kastell ta’ Neuschwanstein li kellhom l-isem ta’ dan is-sit turistiku.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1).
(2) Sentenza tal-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee (C-108/97 u C-109/97, EU:C:1999:230).
(3) Sentenza tal-15 ta’ Jannar 2015, MEM vs UASI (MONACO) (T-197/13, EU:T:2015:16).