19.12.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 475/11
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hanseatisches Oberlandesgericht in Bremen (il-Ġermanja) fis-16 ta’ Settembru 2016 – Proċeduri kriminali kontra Pál Aranyosi
(Kawża C-496/16)
(2016/C 475/16)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Hanseatisches Oberlandesgericht in Bremen
Partijiet fil-kawża prinċipali
Pál Aranyosi
Parti oħra: Generalstaatsanwaltschaft Bremen
Domandi preliminari
1)
L-Artikoli 1(3), 5 u 6(1) tad-Deċiżjoni [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (1), għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta jiddeċiedi dwar estradizzjoni għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ proċeduri kriminali, l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandu jeskludi r-riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti tal-akkużat, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, minħabba l-kundizzjonijiet taż-żamma tiegħu taħt arrest, fir-rigward biss tal-ewwel stabbiliment penitenzjarju li fih ser jinżamm wara l-konsenja tiegħu lill-Istat Membru emittenti?
2)
Fil-kuntest ta’ din id-deċiżjoni, l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandu jeskludi wkoll ir-riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti tal-akkużat minħabba l-kundizzjonijiet taż-żamma tiegħu taħt arrest matul il-priġunerija sussegwenti fil-każ ta’ kundanna?
3)
L-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni għandu jeskludi wkoll dan ir-riskju għall-persuna kkonċernata fil-każ ta’ trasferimenti sussegwenti fi stabbilimenti penitenzjarji oħra?
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU L 17, 22.1.2009, p. 45.