28.11.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 441/10
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija) fid-19 ta’ Settembru 2016 – Maximilian Schrems vs Facebook Ireland Limited
(Kawża C-498/16)
(2016/C 441/14)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Oberster Gerichtshof
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Maximilian Schrems
Konvenuta: Facebook Ireland Limited
Domandi preliminari
1)
L-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li “konsumatur” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni jitlef din il-kwalità meta, wara li jkun uża għal perijodu relattivament twil kont Facebook privat, jippubblika kotba b’rabta mal-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu, u xi kultant jagħti wkoll konferenzi remunerati, jopera siti internet, jiġbor donazzjonijiet sabiex jeżerċita d-drittijiet u jaċċetta t-trasferiment tad-drittijiet ta’ bosta konsumaturi b’korrispettiv għall-garanzija li jirritornalhom l-ammont miksub, wara tnaqqis tal-ispejjeż legali, fil-każ li jirbaħ il-kawża?
2)
L-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li konsumatur jista’ jinvoka fi Stat Membru flimkien mad-drittijiet proprji tiegħu li jirriżultaw minn kuntratt konkluż minn konsumatur fil-ġurisdizzjoni tar-rikorrent, ukoll drittijiet simili ta’ konsumaturi oħra li għandhom id-domiċilju tagħhom
a.
fl-istess Stat Membru,
b.
fi Stat Membru ieħor jew
c.
fi Stat terz,
meta dawn id-drittijiet, li jirriżultaw minn kuntratti konklużi minn konsumaturi bl-istess konvenut fl-istess kuntest legali, ġew ittrasferiti lilu u meta l-operazzjoni ta’ trasferiment ma taqax taħt attività professjonali tar-rikorrent iżda hija intiża sabiex jiġu eżerċitati kollettivament id-drittijiet?
Full & Egal Universal Law Academy