9.1.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 6/26
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Administrativo e Fiscal de Coimbra (il-Portugall) fil-5 ta’ Ottubru 2016 – Superfoz – Supermercados Lda vs Fazenda Pública
(Kawża C-519/16)
(2017/C 006/33)
Lingwa tal-kawża: il-Portugiż
Qorti tar-rinviju
Tribunal Administrativo e Fiscal de Coimbra
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Superfoz – Supermercados Lda
Konvenut: Fazenda Pública
Domandi preliminari
1)
L-Artikolu 27(10) tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 (1), tad-29 ta’ April 2004, jew kwalunkwe dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni jew prinċipju ġenerali tal-Unjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huma applikabbli, jista’ jiġi interpretat fis-sens li tkun inkompatibbli magħhom dispożizzjoni nazzjonali li toħloq taxxa għall-finanzjament ta’ kontrolli uffiċjali relatati mas-sigurtà tal-prodotti tal-ikel, li għandha titħallas biss minn proprjetarji ta’ stabbilimenti ta’ kummerċ bl-imnut tal-ikel jew prodotti varji, mingħajr ma din tikkorrispondi għal xi forma ta’ kontroll uffiċjali speċifiku li għalih dawn il-persuni taxxabbli huma l-kawża jew il-benefiċjarji?
2)
Ir-risposta tkun differenti fil-każ li, minflok taxxa, tinħoloq kontribuzzjoni finanzjarja favur entità pubblika, li jkollha titħallas mill-istess persuni, intiża sabiex jiġu ssodisfatti oneri bħall-kontroll ta’ kwalità tal-ikel iżda bl-uniku għan li jiġi estiż għall-operaturi kollha tal-katina tal-ikel ir-responsabbiltà għall-finanzjament ta’ dawn il-kontrolli?
3)
L-eżenzjoni ta’ ċerti operaturi ekonomiċi milli jsostnu taxxa fuq is-sigurtà tal-ikel li għandha titħallas biss minn ċerti stabbilimenti ta’ kummerċ bl-imnut ta’ ikel jew prodotti varji (b’mod speċifiku l-impriżi l-kbar ta’ kummerċ ta’ prodotti tal-ikel bl-imnut) u intiża sabiex tiffinanzja l-ispejjeż relatati mal-eżekuzzjoni tal-kontrolli uffiċjali fl-ambitu tas-sigurtà tal-ikel, tal-protezzjoni tal-annimali u tas-saħħa tal-annimali, tal-protezzjoni u tas-saħħa tal-pjanti, kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern sa fejn toħloq distorsjoni jew tista’ toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni, billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti prodotti, skont l-Artikolu 107(1) TFUE, jew minn tal-inqas, din l-eżenzjoni minn din it-taxxa ma tagħmilx parti sħiħa minn għajnuna mill-Istat li għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108(3) TFUE?
4)
Il-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni, b’mod speċifiku dawk ta’ ugwaljanza, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ kompetizzjoni (inkluża l-projbizzjoni ta’ “reverse discrimination”) u ta’ libertà ta’ intrapriża jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali li:
a)
timponi l-obbligu ta’ ħlas tat-“Taxxa” biss fuq l-impriżi l-kbar ta’ kummerċ ta’ prodotti tal-ikel bl-imnut.
b)
teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-“Taxxa”, l-istabbilimenti jew mikroimpriżi b’superfiċji ta’ bejgħ ta’ inqas minn 2 000 m2 li ma humiex integrati fi grupp jew li ma jappartjenux għal impriża li joperaw taħt isem jew numru ta’ ismijiet u li għandhom, fuq livell nazzjonali, superfiċji ta’ bejgħ akkumulat ugwali jew ogħla minn 6 000 m2?
(1) Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 45, p. 200).