20.3.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 86/5
Appell ippreżentat fis-7 ta’ Novembru 2016 mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fid-9 ta’ Settembru 2016 fil-Kawża T-159/15, Puma SE vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea
(Kawża C-564/16 P)
(2017/C 086/07)
Lingwa tal-kawża: l-Inglż
Partijiet
Appellant: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: D. Hanf, D. Botis, aġenti)
Parti oħra fil-proċedura: Puma SE
Talbiet
—
tannulla s-sentenza appellata fl-intier tagħha;
—
tikkundanna lil Puma SE għall-ispejjeż esposti mill-Uffiċċju.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni proċedurali tal-Uffiċċju, bi ksur tal-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009 (1) u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, inkwantu kkonstatat li Puma “debitament invokat” it-tliet deċiżjonijiet preċedenti tal-Uffiċċju sabiex tikkonforma ruħha mal-obbligu tagħha li turi r-reputazzjoni tat-trade marks ta’ Puma (Regola 19(2)(c) tar-Regolament Nru 2868/95 (2)). B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali aċċettat li dan l-obbligu jista’ jiġi eżerċitat permezz ta’ riferimenti ġenerali u impreċiżi għal dokumenti prodotti fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni preċedenti li jinvolvu partijiet differenti – u li fihom il-parti l-oħra fil-proċedimenti ta’ oppożizzjoni inkwistjoni ma kinitx parti.
Peress li l-Uffiċċju ma jistax jinjora, iżda pjuttost għandu jirrispetta, id-dritt li l-parti l-oħra tinstema’ (Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009), il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali neċessarjament tobbliga lill-Uffiċċju jadotta rwol attiv fil-proċedimenti inter partes. Dan jippreġudika n-natura kontradittorja ta’ dawn il-proċedimenti, id-dritt korrispondenti ta’ newtralità tal-Uffiċċju, kif ukoll l-amministrazzjoni tajba ta’ dawn il-proċedimenti.
It-tieni nett, billi kkwalifikat id-deċiżjonijiet preċedenti tal-Uffiċċju invokati minn Puma bħala “prassi deċiżjonali” tal-Uffiċċju, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod żbaljat kemm in-natura kontradittorja tal-proċedimenti inter pares kif ukoll il-kunċett ta’ “reputazzjoni” skont it-tifsira tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009. Din il-kunsiderazzjoni żbaljata doppja, tat lok għal ksur doppju tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.
Minn naħa, ir-rekwiżit bil-quddiem tal-applikazzjoni nnifisha tal-ġurisprudenza Technopol ma ġiex issodisfatt f’dan il-każ inter partes preżenti ġaladarba din il-ġurisprudenza dwar l-obbligu tal-Uffiċċju li jinvestiga ex officio il-fatti rilevanti tal-każ li għandu jiġi deċiż jirrigwarda biss il-proċedimenti ex parte. Fi kwalunkwe każ, fid-dawl tal-assenza inevitabbli ta’ “prassi deċiżjonali” kwalunkwe tal-Uffiċċju fir-rigward tar-reputazzjoni tat-trade marks ta’ Puma, ma jista’ jkun hemm ebda obbligu ta’ motivazzjoni għan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-konstatazzjonijiet magħmula dwar ir-reputazzjoni tat-trade marks ta’ Puma f’deċiżjonijiet preċedenti għas-sitwazzjoni tal-każ inkwistjoni.
Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx – mingħajr ma tikser il-prinċipju tal-kontradittorju li jirregola l-proċedimenti inter partes previst fl-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009 – tiddeduċi mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba l-obbligu addizzjonali tal-Bord tal-Appell li jistieden, ex officio, lil Puma tipproduċi provi addizzjonali tar-reputazzjoni invokata minnha għat-trade marks ta’ Puma.
It-tielet nett, il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-obbligu tal-Uffiċċju li jistieden, ex officio, lil Puma tipproduċi provi addizzjonali barra minn hekk kisret l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 (applikabbli fid-dawl tar-Regola 50(1) tar-Regolament Nru 2868/95) li japplika biss għall-fatti u għall-provi ppreżentati mill-partijiet fuq l-inizjattiva tagħhom stess.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1995, L 303, p. 1).
(2) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189).
Full & Egal Universal Law Academy