23.1.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 22/15
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Nürtingen (il-Ġermanja) fl-10 ta’ Settembru 2016 – proċeduri kriminali kontra Faiz Rasool
(Kawża C-568/16)
(2017/C 022/21)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Amtsgericht Nürtingen
Partijiet fil-kawża prinċipali
Faiz Rasool, Rasool Entertainment GmbH, Staatsanwaltschaft Stuttgart
Domandi preliminari
1.
L-Artikolu 3(o) tad-Direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern (Direttiva 2007/64/KE) (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li l-possibbiltà offerta f’sala tal-logħob, li għandha konċessjoni maħruġa mill-Istat, li jitwettaq irtirar ta’ flus kontanti minn distributur ta’ flus, li jwettaq ukoll kambju ta’ flus, permezz ta’ karta “EC [electronic cash]”u ta’ kodiċi PIN, fejn l-ipproċessar tekniku marbut mal-kont bankarju jitwettaq minn persuna esterna li tipprovi servizzi (“l-operatur tan-netwerk”) u fejn il-ħlas lill-klijenti jitwettaq meta l-operatur tan-netwerk jibgħat kodiċi ta’ awtorizzazzjoni lid-distributur ta’ flus wara li jkun ivverifika li l-kont ikollu l-fondi, filwaqt li l-operatur tas-sala tal-logħob sempliċement jipprovdi lill-magna ta’ kambju ta’ flus multifunzjonali bi flus kontanti filwaqt li jirċievi kreditu mill-bank tal-klijent li jkun ġibed il-flus sal-ammont ta’ flus li jkun inġibed, tikkostitwixxi attività fis-sens tal-Artikolu 3(o) tad-Direttiva u għalhekk ma hijiex suġġetta għal awtorizzazzjoni?
2.
Jekk l-attività deskritta fl-ewwel domanda ma titqiesx bħala li tikkostitwixxi attività fis-sens tal-Artikolu 3(o):
L-Artikolu 3(e) tad-Direttiva 2007/64/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-possibbiltà deskritta fl-ewwel domanda dwar l-irtirar ta’ flus kontanti permezz ta’ kodiċi PIN hija attività fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni meta, flimkien mal-irtirar ta’ flus kontanti, jinħoloq voucher ta’ EUR 20, li għandu jissarraf mingħand il-persuna responsabbli mis-sorveljanza tas-sala tal-logħob, sabiex din tal-aħħar iddaħħal il-muniti f’magna tal-logħob?
Fl-ipoteżi li l-attività deskritta fl-ewwel u fit-tieni domandi ma titqiesx bħala li tikkostitwixxi attività eskluża mill-kamp tal-applikazzjoni tad-Direttiva abbażi tal-Artikolu 3(o) u/jew (e):
3a.
Il-punt 2 tal-Anness tad-Direttiva 2007/64/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-attività tal-operatur tas-sala tal-logħob, deskritta fl-ewwel u fit-tieni domandi, hija servizz ta’ ħlas suġġett għal awtorizzazzjoni, minkejja li l-operatur tas-sala tal-logħob ma jiġġestixxi ebda kont tal-klijent li jirtira l-flus?
3b.
Il-punt 3 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-attività tal-operatur tas-sala tal-logħob, deskritta fl-ewwel u fit-tieni domandi, hija servizz ta’ ħlas li jaqa’ taħt din id-dispożizzjoni, meta l-operatur tas-sala tal-logħob jipprovdi dan is-servizz mingħajr ħlas?
Fl-ipoteżi li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li din l-attività hija servizz ta’ ħlas suġġett għal awtorizzazzjoni:
4.
Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u tad-Direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu, f’każ li jkollu l-karatteristiċi partikolari tal-każ ineżami, l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet kriminali fuq l-operazzjoni ta’ distributur ta’ flus kontanti CE jekk id-distributuri ta’ flus CE tal-istess tip kienu jew huma operati mingħajr awtorizzazzjoni f’diversi swali tal-logħob li għandhom konċessjoni maħruġa mill-Istat kif ukoll f’każinos li għandhom konċessjoni maħruġa mill-Istat u huma parzjalment operati wkoll mill-Istat u jekk l-awtorità ta’ awtorizzazzjoni u ta’ sorveljanza kompetenti ma tqajjimx oġġezzjonijiet?
Fl-ipoteżi li r-raba’ domanda tingħata wkoll risposta negattiva:
5.
Id-Direttiva dwar is-servizzi ta’ ħlas u l-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam ta’ ċertezza legali u ta’ ċarezza legali, kif ukoll l-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’każ li jkollu l-karatteristiċi partikolari tal-każ ineżami, jipprekludu prassi aministrattiva u ġuridika li timponi li dawk l-ammonti ta’ flus li l-operatur tas-sala tal-logħob kien irċieva, minħabba l-provvista ta’ servizz ta’ ħlas mill-operatur tan-netwerk, mingħand klijenti tal-bank, meta dawn il-klijenti tal-bank kienu rtiraw b’karta CE u b’kodiċi PIN il-flus kontanti u/jew vouchers pprovduti minnu stess sabiex jilagħbu mal-magni tal-logħob, jinqabdu mit-Teżor pubbliku (“konfiska”), minkejja li l-ammonti kollha kkreditati jikkorrispondu biss ma’ dawk l-ammonti rtirati mill-klijenti minn distributuri tal-flus fi flus kontanti u vouchers għal-logħob?
(1) Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar is-servizzi ta’ ħlas fis-suq intern li temenda d-Direttivi 97/7/KE, 2002/65/KE, 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 97/5/KE (ĠU L 319, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy