30.1.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 30/23
Appell ippreżentat fit-18 ta’ Novembru 2016 minn Generics (UK) Ltd mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fit-8 ta’ Settembru 2016 fil-Kawża T-469/13, Generics (UK) vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-588/16 P)
(2017/C 030/28)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Generics (UK) Ltd (rrappreżentata minn: I. Vandenborre, avukat, T. Goetz, avukat)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla s-sentenza jew tadotta kull azzjoni oħra hekk kif teħtieġ il-ġustizzja.
Aggravji u argumenti prinċipali
1.
L-ewwel aggravju. Il-Qorti Ġenerali naqset milli turi li l-Ftehimiet ta’ soluzzjoni jikkostitwixxu ksur “minħabba l-għan”, fis-sens tas-sentenza Cartes Bancaires. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ma tispjegax kif il-Ftehimiet ta’ soluzzjoni juru, fihom innifishom, grad suffiċjenti ta’ ħsara għall-kompetizzjoni mingħajr il-ħtieġa li jiġu evalwati l-effetti attwali u potenzjali tagħhom. Minflok, il-Qorti Ġenerali tesprimi dubju u inċertezza fir-rigward tal-punti kritiċi tal-analiżi tal-Ftehimiet ta’ soluzzjoni.
2.
It-tieni aggravju. L-evidenza li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali ma tissodisfax ir-rekwiżit ta’ prova preċiża, affidabbli, konsistenti u komprensiva, li l-Qorti tal-Ġustizzja identifikat bħala neċessarji sabiex jiġi ssodisfatt l-oneru tal-prova ta’ ksur “minħabba l-għan”.
3.
It-tielet aggravju. Il-Qorti Ġenerali tinverti l-oneru tal-prova meta timponi fuq Generics (UK) ir-rekwiżit li turi li ċertament kien ikun hemm litigazzjoni fil-każ ta’ tnedija b’riskju, u li Generics (UK) kienet ċertament titlef il-litigazzjoni, biex issostni l-legalità tal-Ftehimiet ta’ soluzzjoni.
4.
Ir-raba’ aggravju. Il-Qorti Ġenerali naqset milli twettaq stħarriġ sħiħ taċ-ċaħda tal-applikabbiltà tal-Artikolu 101(3) TFUE mill-Kummissjoni.
5.
Il-ħames aggravju. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta applikat is-setgħat tagħha ta’ stħarriġ ġudizzjarju ultra vires fl-istabbiliment ta’ ksur ġdid tal-Artikolu 101(1) TFUE li ma kienx inkluż fid-Deċiżjoni u meta ssostitwixxiet il-konstatazzjonijiet tagħha għal dawk tal-Kummissjoni.
6.
Is-sitt aggravju. Il-Qorti Ġenerali ma identifikatx provi ċari, preċiżi u konkordanti sabiex tiġġustifika l-konstatazzjoni li Generics (UK) wettqet l-allegat ksur intenzjonalment jew b’negliġenza kif meħtieġ skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (1), tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat.
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205