30.1.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 30/24
Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Novembru 2016 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika
(Kawża C-590/16)
(2017/C 030/29)
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: Flavia Tomat u Aikaterini Kyratsou, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika Ellenika
Talbiet
—
Tiddikjara li, skont l-Artikolu 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, billi adottat u żammet fis-seħħ leġiżlazzjoni li tippermetti l-provvista ta’ prodotti petroliferi mingħajr l-applikazzjoni ta’ dazji tas-sisa fl-istazzjonijiet ta’ servizz tal-kumpannija “Hellenic Duty Free Shops SA” fil-qsim tal-fruntiera ta’ Kipoi fuq ix-xmara Evros, Kakavia u Euzone, li jinsabu lkoll f’żoni li jmissu ma’ pajjiżi terzi – speċifikament, mat-Turkija, mal-Albanija u mal-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja – ir-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi tagħha imposti fuqha skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/118/KE (1);
—
tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
1.
Skont l-opinjoni motivata tal-1 ta’ Settembru 2014 mibgħuta mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet Elleniċi, bl-approvazzjoni tal-provvista, fl-istazzjonijiet ta’ servizz tal-kumpannija “Hellenic Duty Free Shops SA”, fil-qsim tal-fruntiera ta’ Kipoi fuq ix-xmara Evros, Kakavia u Euzone, ta’ prodotti petroliferi li għalihom ma humiex applikati dazji tas-sisa, il-Greċja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha imposti fuqha skont id-Direttiva 2008/118 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa, sa fejn hija ma tqisx li tali provvista tikkostitwixxi provvista reali ta’ prodotti għall-konsum. Il-provvista diretta ta’ karburant lill-vetturi f’dawn l-istazzjonijiet tikkostitwixxi provvista għall-konsum u hija suġġetta għad-dazju tas-sisa.
2.
Il-każijiet ta’ deroga mir-regola ta’ prinċipju li skontha t-taxxa ssir eliġibbli fl-Istat Membru fejn isir il-konsum, huma espressament indikati mil-legiżlatur tal-Unjoni. L-applikazzjoni tal-proċeduri ssemplifikati għall-esportazzjoni f’pajjiż terz għall-provvista tal-prodotti petroliferi suġġetti għad-dazju tas-sisa tmur kontra d-Direttiva 2008/118, sa fejn din ma tidħolx fl-ambitu ta’ applikazzjoni ta’ waħda mid-dispożizzjonijiet rilevanti tagħha.
(1) ĠU L 9, 14.1.2009, p. 12.