30.1.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 30/28
Appell ippreżentat fl-24 ta’ Novembru 2016 minn National Iranian Tanker Company mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fl-14 ta’ Settembru 2016 fil-Kawża T-207/15, National Iranian Tanker Company vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
(Kawża C-600/16 P)
(2017/C 030/33)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: National Iranian Tanker Company (rappreżentanti: T. de la Mare QC, M. Lester QC, J. Pobjoy, barristers, R. Chandrasekera, S. Ashley, C. Murphy, solicitors)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Settembru 2016 fil-Kawża T-207/15, National Iranian Tanker Company vs Il-Kunsill;
—
tilqa’ t-talbiet imressqa mill-appellanti fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari:
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/236, tat-12 ta’ Frar 2015 (1), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/230, tat-12 ta’ Frar 2015 (2), sa fejn japplikaw għall-appellanti;
—
sussidjarjament, tikkonstata li kemm l-Artikolu 20(1)(c) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta’ Lulju 2010 (3) (kif emendata), kif ukoll l-Artikolu 23(2)(d) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012 (4) (kif emendat), ma humiex applikabbli sa fejn jikkonċernaw lill-appellanti, minħabba l-illegalità tagħhom; u
—
tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż tal-appell u tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka erba’ aggravji.
1.
L-ewwel aggravju, ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet żball billi qieset li d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/236, tat-12 ta’ Frar 2015, u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/230, tat-12 ta’ Frar 2015, ma jiksrux il-prinċipji ta’ awtorità ta’ res judicata, ta’ ċertezza legali, ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ finalità, jew id-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
2.
It-tieni aggravju, ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet żball billi qieset li l-kriterji ta’ deżinjazzjoni kienu sodisfatti fil-każ tal-appellanti.
3.
It-tielet aggravju, ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet żball billi qieset li l-indħil fid-drittijiet fundamentali tal-appellanti kien proporzjonat.
4.
Ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet żball billi ċaħdet l-argument sussidjarju tal-appellanti li jgħid li interpretazzjoni wiesgħa tal-kriterju ta’ deżinjazzjoni tirrendi dan tal-aħħar sproporzjonat.
(1) Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/236, tat-12 ta’ Frar 2015, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2015, L 39, p. 18).
(2) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/230, tat-12 ta’ Frar 2015, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2015, L 39, p. 3).
(3) Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK, tas-26 ta’ Lulju 2010, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU 2010, L 195, p. 39).
(4) Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU 2012, L 88, p. 1).