30.1.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 30/40
Appell ippreżentat fit-28 ta’ Novembru 2016 minn Merck KGaA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fit-8 ta’ Settembru 2016 fil-Kawża T-470/13, Merck KGaA vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-614/16 P)
(2017/C 030/44)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Merck KGaA (rappreżentanti: B. Bär-Bouyssière, Rechtsanwalt, S. Smith, Solicitor, R. Kreisberger, Barrister, D. Mackersie, Advocate)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Generics (UK) Ltd
Talbiet
—
tannulla l-paragrafu 1 tad-dispożittiv tas-sentenza;
—
tannulla l-Artikoli 1(1), 2(1) tad-Deċiżjoni u l-Artikoli 3 u 4 sa fejn dawn huma indirizzati lil Merck;
—
sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas il-penali imposta fuq Merck;
—
tannulla l-paragrafu 2 tad-dispożittiv tas-sentenza u tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha u tikkundannaha għall-ispejjeż ta’ Merck, fir-rigward kemm tal-proċedura fl-ewwel istanza kif ukoll ta’ dan l-appell.
Aggravji u argumenti prinċipali
1.
L-ewwel aggravju tal-appellanti huwa li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Ftehimiet ta’ tranżazzjoni, konklużi bejn Generics (UK) (iktar ’il quddiem “GUK”) u Lundbeck, kienu restrizzjonijiet minħabba l-għan taħt l-Artikolu 101(1) TFUE:
i.
Permezz tal-ewwel argument tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali żvijat lilha nfisha fir-rigward tar-rekwiżit ġuridiku applikabbli u fir-rigward tal-approċċ korrett għad-determinazzjoni ta’ jekk il-Ftehimiet ta’ tranżazzjoni jistgħux jiġu kkaratterizzati bħala restrizzjonijiet minħabba l-għan, b’mod parrtikolari fid-dawl tal-prinċipji legali sostnuti fil-Kawża C-67/13 P, Cartes Bancaires.
ii.
Permezz tat-tieni argument tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta naqset milli tanalizza jekk il-kliem tal-Ftehimiet ta’ tranżazzjoni kienx jiżvela livell suffiċjenti ta’ dannu.
iii.
Permezz tat-tielet argument tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ddeċidiet li l-Ftehimiet ta’ tranżazzjoni kienu jiżvelaw livell suffiċjenti ta’ dannu fuq il-bażi li dawn kienu ekwivalenti għal ftehimiet ta’ esklużjoni mis-suq.
iv.
Permezz tar-raba’ argument tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ddeċidiet li l-Ftehimiet ta’ tranżazzjoni kienu jiżvelaw livell suffiċjenti ta’ dannu billi evitaw litigazzjoni li r-riżultat tagħha kien inċert.
v.
Permezz tal-ħames argument tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ttrattat il-pagament magħmul lil GUK taħt il-Ftehimiet ta’ tranżazzjoni bħala wieħed mill-elementi prinċipali ta’ restrizzjoni minħabba l-għan.
vi.
Permezz tas-sitt argument tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta bbażat ruħha fuq kunsiderazzjonijiet fattwali estranji għall-kliem tal-Ftehimiet ta’ tranżazzjoni sabiex issostni l-konklużjoni tagħha ta’ restrizzjoni minħabba l-għan.
vii.
Permezz tas-seba’ argument tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ddeċidiet li l-Ftehim ta’ tranżazzjoni li jirrigwarda ż-ŻEE kien jeċċedi l-iskop tal-privattivi ta’ Lundbeck.
2.
It-tieni aggravju tal-appellanti huwa li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li GUK u Lundbeck kienu kompetituri potenzjali fiż-żmien ta’ meta l-Ftehimiet ta’ tranżazzjoni ġew konklużi:
viii.
Permezz tat-tmien argument tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta naqset milli tikkunsidra jekk it-tmien rotot għas-suq ippreżentati mill-Kummissjoni kinux ekonomikament vijabbli, jew possibbli fuq il-pjan prattiku, għal GUK fi żmien suffiċjentement qasir.
ix.
Permezz tad-disa’ argument tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta qalbet l-oneru tal-prova fir-rigward ta’ kompetizzjoni potenzjali.
x.
Permezz tal-għaxar argument tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonkludiet li l-fatt li l-partijiet kienu daħlu fil-Ftehimiet ta’ tranżazzjoni kien rilevanti għall-evalwazzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali.
xi.
Permezz tal-ħdax-il argument tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta naqset milli tirrikonoxxi li l-evalwazzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali ma kinitx adattata sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ evalwazzjoni “minħabba l-għan”.
3.
It-tielet aggravju tal-appellanti huwa li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonfermat il-multa imposta mill-Kummissjoni fuq l-appellanti:
xii.
Permezz tat-tnax-il argument tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonkludiet li l-Kummissjoni kellha ġurisdizzjoni timponi multa fuq l-appellanti jew, sussidjarjament, timponi multa li ma kinitx sempliċement simbolika.