6.2.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 38/16
Appell ippreżentat fil-25 ta’ Novembru 2016 minn Scuola Elementare Maria Montessori Srl mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fil-15 ta’ Settembru 2016 fil-Kawża T-220/13, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-622/16 P)
(2017/C 038/21)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Appellanti: Scuola Elementare Maria Montessori Srl (rappresentanti: E. Gambaro, F. Mazzocchi, avukati)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Repubblika Taljana
Talbiet
—
tannulla s-sentenza li ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn Scuola Elementare Maria Montessori u, konsegwentement, tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/284/UE (1) fil-parti fejn qieset li ma kellux isir l-irkupru tal-għajnuna mogħtija fil-forma ta’ eżenzjoni mill-ICI kif ukoll fil-parti fejn qieset li l-miżuri dwar l-eżenzjoni mit-TMU ma kinitx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE;
—
fi kwalunkwe każ, tannulla s-sentenza fil-partijiet li jirrigwardaw dawk il-motivi tar-rikors li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huma fondati u li jistħoqqilhom li jintlaqgħu;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi tal-kawża.
Aggravji u argumenti prinċipali
1)
Permezz tal-ewwel aggravju, li huwa maqsum f’erba’ partijiet, Scuola Elementare Maria Montessori tallega l-ksur u l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 108 TFUE, tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 (2) u tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE, kif ukoll l-interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ impossibbiltà assoluta, il-klassifikazzjoni legali żbaljata tal-fatti, l-iżnaturament ta’ ċerti provi u n-natura kontradittorja tal-motivazzjoni, għar-raġuni li l-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni ma żbaljatx meta ma ordnatx lir-Repubblika Taljana tirkupra l-ammonti relatati mal-eżenzjonijiet fiskali li minnhom ibbenefikaw l-entitajiet mhux kummerċjali għal finijiet speċifiċi fis-sens tal-leġiżlazzjoni ICI, li l-Kummissjoni qieset li kienu illegali u inkompatibbli mas-suq intern.
2)
Permezz tat-tieni aggravju, Scuola Elementare Maria Montessori tallega l-ksur u l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(1) TFUE, għar-raġuni li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-eżenzjoni mit-TMU, li ssostitwixxiet il-leġiżlazzjoni ICI mill-2012 ’il quddiem, ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.
(1) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/284/UE, tad-19 ta’ Diċembru 2012, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.20829 (C 26/2010, qabel NN 43/2010 (qabel CP 71/2006)) Is-sistema għall-eżenzjoni mill-ICI għal bini li jintuża minn istituzzjonijiet mhux kummerċjali għal skopijiet speċifiċi li ġiet implimentata mill-Italja (ĠU 2013, L 166, p. 24).
(2) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).