6.2.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 38/17
Appell ippreżentat fil-25 ta’ Novembru 2016 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fil-15 ta’ Settembru 2016 fil-Kawża T-220/13, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-623/16 P)
(2017/C 038/22)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: P. Stancanelli, D. Grespan, F. Tomat, aġenti)
Partijiet oħra fil-proċedura: Scuola Elementare Maria Montessori Srl, Repubblica Italiana
Talbiet
—
tannulla s-sentenza appellata sa fejn hija tiddikjara li r-rikors fl-ewwel istanza huwa ammissibbli fis-sens tal-aħħar parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE;
—
tiddikjara r-rikors fl-ewwel istanza inammissibbli fis-sens tal-aħħar parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u konsegwentement tiċħad ir-rikors fl-intier tiegħu;
—
tikkundanna lil Scuola Elementare Montessori sabiex tbati l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni kemm fil-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll f’din il-kawża.
Aggravji u argumenti prinċipali
Permezz ta’ aggravju wieħed, li jinqasam fi tliet partijiet, il-Kummissjoni tilmenta li l-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat l-aħħar parti tas-sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, sa fejn hija laqgħet ir-rikors tar-rikorrenti fl-ewwel istanza bħala ammissibbli abbażi ta’ din id-dispożizzjoni. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta sostniet li l-att ikkontestat huwa att regolatorju, li jikkonċerna direttament lir-rikorrenti fl-ewwel istanza u li ma jinvolvix miżuri ta’ eżekuzzjoni fil-konfront tar-rikorrenti nnifisha.