6.2.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 38/17
Appell ippreżentat fil-25 ta’ Novembru 2016 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fil-15 ta’ Settembru 2016 fil-Kawża T-219/13, Ferracci vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-624/16 P)
(2017/C 038/23)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: P. Stancanelli, D. Grespan, F. Tomat, aġenti)
Partijiet oħra fil-proċedura: Pietro Ferracci, ir-Repubblika Taljana
Talbiet
—
tannulla s-sentenza appellata sa fejn din tiddikjara r-rikors fl-ewwel istanza ammissibbli skont l-aħħar sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE;
—
tiddikjara r-rikors fl-ewwel istanza inammissibbli skont it-tieni u l-aħħar sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u konsegwentement tiċħad ir-rikors kollu kemm hu;
—
tikkundanna lil P. Ferracci għall-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni kemm fil-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll f’din il-kawża.
Aggravji u argumenti prinċipali
Permezz ta’ motiv uniku, maqsum fi tliet partijiet, il-Kummissjoni tilmenta dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljata tal-aħħar sentenza tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, peress li l-Qorti Ġenerali ddikjarat ammissibbli r-rikors tar-rikorrent fl-ewwel istanza fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-att ikkontestat kien jikkostitwixxi att regolatorju, li jikkonċerna direttament ir-rikorrent fl-ewwel istanza u li dan ma wassalx għal miżuri ta’ implementazzjoni fil-konfront ta’ dan l-istess rikorrent.