20.3.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 86/9
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi) fil-15 ta’ Diċembru 2016 – Synthon BV vs Astellas Pharma Inc.
(Kawża C-644/16)
(2017/C 086/11)
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Qorti tar-rinviju
Hoge Raad der Nederlanden
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Synthon BV
Konvenuta: Astellas Pharma Inc.
Domandi preliminari
1)
a.
L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2004/48/KE (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest ta’ kriterju li għandu jiġi stabbilit sabiex tiġi evalwata l-fondatezza ta’ talba għal produzzjoni ta’ provi, għandha ssir distinzjoni skont jekk il-parti li hija mitluba l-produzzjoni ta’ provi hijiex l-awtur tal-vjolazzjoni (allegat) jew jekk din hijiex terz?
b.
Jekk ir-risposta għal din id-domanda hija fl-affermattiv, f’liema rigward dawn il-kriterji jvarjaw?
2)
a.
Meta motiv ta’ difiża kontra talba għal produzzjoni ta’ provi jsostni li d-dritt tal-proprjetà intellettwali li huwa sottostanti għat-talba huwa null (jew ma għadux jeżisti), il-fondatezza ta’ dan il-motiv ta’ difiża għandha għalhekk tiġi evalwata billi jsir riferiment għall-istess kriterju bħal dak li japplika għall-kwistjoni tal-veradiċità tal-ksur allegat (fil-każ li d-dritt tal-proprjetà intellettwali invokat jeżisti)?
b.
Jekk ir-risposta għal din id-domanda hija fin-negattiv, f’liema rigward dawn il-kriterji jvarjaw?
c.
Fir-risposta għad-domandi 2.a u 2.b, għandha ssir distinzjoni skont jekk id-dritt tal-proprjetà intellettwali inkwistjoni ngħatax wara li kien is-suġġett ta’ eżami tal-validità tiegħu (bħal fil-każ ta’ privattiva Ewropea) jew jekk inħoloqx ipso iure (bħad-drittijiet tal-awtur)?
(1) Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32).