6.2.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 38/20
Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Diċembru 2016 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
(Kawża C-659/16)
(2017/C 038/26)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Bouquet, E. Paasivirta u Ch. Hermes, aġenti)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla parzjalment id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Ottubru 2016, adottata permezz tan-Nota punt “I/A”, dwar l-istabbiliment tal-pożizzjoni tal-Unjoni għall-35 laqgħa annwali tal-Kummissjoni għaż-żamma tal-fawna u l-flora tal-baħar tal-Antartiku (CCAMLR) (Hobart, l-Awstralja, tas-17 sat-28 ta’ Ottubru 2016), fir-rigward tal-ħolqien ta’ tliet żoni tal-baħar protetti u l-ħolqien ta’ żoni speċjali ddestinati għall-istudju (Dokumenti 12523/16);
—
tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Ottubru 2016, sa fejn il-Kunsill impona li l-proposti lill-Kummissjoni għaż-żamma tal-fawna u l-flora tal-baħar tal-Antartiku intiżi għall-ħolqien ta’ tliet żoni tal-baħar protetti fil-Baħar ta’ Weddell, il-Baħar ta’ Ross u l-Antartika tal-Lvant u ta’ sistema ta’ żoni speċjali ddestinati għall-istudju jkunu ppreżentati jew appoġġati fl-isem l-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, minflok ma jkunu ppreżentati u approġġati f’isem l-Unjoni biss.
Il-Kummissjoni ssostni li billi tikkunsidra li l-kompetenza fil-qasam tkun kondiviża, u billi jitqies li konsegwentement id-dokument ta’ riflessjoni għandu jiġi deċiż permezz ta’ konsensus u jiġi ppreżentat f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, id-deċiżjoni kkontestata hija illegali, sa fejn hija timpedixxi b’hekk lill-Kummissjoni li tissottometti dan id-dokument f’isem l-Unjoni biss bi ksur tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni fil-qasam (u tal-prerogattivi tal-Kummissjoni li tirrappreżenta l-Unjoni).
Il-Kummissjoni tqajjem żewġ motivi tad-dritt insostenn tar-rikors tagħha għal annullament tad-deċiżjoni kkontestata.
Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li billi adotta l-att ikkontestat, il-Kunsill kiser il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni fil-qasam taż-żamma tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar, kif imsemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 3(1) TFUE (l-ewwel motiv tad-dritt). L-ewwel nett, il-Kummissjoni tqis li l-Kunsill injora l-kuntest legali tal-miżura kkonċernata mill-att ikkontestat, kemm fil-qafas tal-Konvenzjoni għaż-żamma tal-fawna u tal-flora tal-baħar tal-Antartiku kif ukoll fil-kuntest tal-Unjoni. It-tieni nett, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Kunsill injora l-għan u l-kontenut ta’ din il-miżura.
Fit-tieni lok (f’ordni sussidjarju), il-Kummissjoni ssostni li anki jekk il-miżura ma kellhiex tiġi kkunsidrata bħala miżura ta’ żamma tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar fis-sens tal-punt (d) tal-Artikolu 3(1) TFUE, billi adotta l-att ikkontestat, il-Kunsill, f’kwalunkwe każ, kiser il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni sa fejn l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva esterna fil-qasam għaliex l-miżura prevista tista’ taffettwa r-regoli tal-Unjoni jew tbiddel il-portata tagħhom fis-sens tal-Artikolu 3(2) TFUE (it-tieni motiv tad-dritt). L-ewwel nett, il-Kummissjoni tqis li l-Kunsill injora li l-miżura prevista tista’ taffettwa jew tbiddel żewġ regolamenti tad-dritt sekondarju (Regolamenti (KE) Nru 600/2004 u (KE) Nru 601/2004). It-tieni nett, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Kunsill ma ħax inkunsiderazzjoni l-assenjazzjoni jew it-tibdil tal-pożizzjoni qafas tal-Unjoni ta’ Ġunju 2014.